Il-Partit Nazzjonalista, għadu bla Segretarju Ġenerali Ġdid, anke jekk għamel Kunsill Ġenerali mingħajr ma ħatar din il-kariga importanti fil-partit biex jieħu post Michael Piccinino.
Qalet dan il-gazzetta Kullħadd, fejn innotat kif Piccinino, minkejja li rriżenja, s’issa baqa’ fil-kariga.
Dan hekk kif issa, minflok Piccinino qed jissemmew id-Deputat Għawdxi Chris Said u Trevor Degiorgio. Said, diġà kien jokkupa din il-kariga, iżda kellu jwarrab, hekk kif inqala’ l-inkwiet.
Minkejja li Said, kien għen lill-Kap Bernard Grech, sabiex jieħu post Adrian Delia, huwa xorta waħda mhuwiex l-ewwel għażla ta’ Grech. Huwa kien tellaq u tilef kontra Delia, għal-pożizzjoni ta’ Kap Nazzjonalista, wara l-elezzjoni ġenerali tal-2017.
Aktar tard, huwa kisirha wkoll ma’ Bernard Grech, tant li Grech ħallieh bla portafoll meta kien ħatar ix-shadow cabinet.
Kawża tal-pressjoni min-nies bħal Beppe Fenech Adami, li kienu ħarġu fil-beraħ jgħidu li dan ma kienx f’loku, Bernard Grech ġie ordnat ireġġa’ d-deċiżjoni lura.
Said, fil-fatt, kien sostna kif huwa tħalla barra mix-shadow cabinet ta’ Grech, għax kien fil-Kabinett ta’ Gonzi.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista, qalu lill-gazzetta kif minkejja li Bernard Grech ried lil Trevor Degiorgio sabiex jokkupa din il-pożizzjoni, diversi persuni fi ħdan il-partit, qalulu li huwa mhu affidabbli xejn, u mhux idonju għas-suppost valuri li jħaddan il-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt, l-istess Degiorgio, aktar kmieni f’dan ix-xahar, kellu jippreżenta programm dwar l-Elezzjoni Presidenzjali fl-Istati Uniti – li spiċċa ma tfaċċax.
B’hekk issa huwa mistenni li Chris Said, li għandu l-appoġġ tal-fazzjoni tal-establishment Nazzjonalista, jerġa’ jsir Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.