“Bħala poplu, irridu naħdmu kollettivament biex infasslu ’l quddiem dan il-pajjiż u niddefinixxu x’Malta rridu.”
Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt attività politika l-Ħadd filgħodu fiċ-Ċentru Laburista tal-Imsida hekk kif semma pataflun ta’ investimenti li qed iseħħu fl-aħħar ġimgħat.
Fil-fatt ħabbar li l-ġimgħa d-dieħla l-Gvern se jkun qed jissiġilla l-ftehim kollettiv li se jagħti żidiet ġodda lill-ħaddiema kollha tas-settur pubbliku.
Qal, “Se nkunu qegħdin niffirmaw il-ftehim kollettiv f’dak li jissejjaħ il-kbir taċ-ċivil. Tafu kemm se jibbenefikaw minnhom? Tlieta u tletin elf ħaddiem li se jkunu qegħdin jibbenefikaw minn żidiet ġodda fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Għax nemmnu fil-ħaddiema ta’ dan il-pajjiż. Nemmnu fil-familji ta’ dan il-pajjiż u meta inti temmen, tibqa’ tinvesti ħalli tibqa’ ssaħħaħ il-ħaddiema u s-suq tax-xogħol ġewwa pajjiżna.”
Dr Abela fakkar kif din il-ġimgħa ġiet inawgurata l-iskola primarja tal-Imsida, deskritt bħala investiment massiċċ fl-edukazzjoni.
Il-Prim Ministru sostna li dan il-proġett għandu jservi ta’ linji gwida għal diversi raġunijiet fosthom l-iżvilupp f’pajjiżna, l-isport u anka l-valuri ambjentali.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li 11-il tomna ta’ Spencer Gardens se jiġu trasformati f’pulmun aħdar fil-Marsa, u qed issir reviżjoni tal-pjan lokali għal hub marittimu bil-għan li dan is-settur ikun b’saħħtu u jibqa’ jimxi ‘l quddiem.
Sadanittant, b’rabta mal-proġett tal-Imsida Creek, li mistenni jibda fiż-żmien li ġej, il-Prim Ministru sostna li l-Partit Nazzjonalista ħareġ kontra dan il-proġett, imma l-kunsilliera Nazzjonalisti kien favurih.
Qal, “Rajna f’dawn l-aħħar ġimgħat Partit Nazzjonalista li ħareġ kontra dan il-proġett. Imma tafu li l-Partit Nazzjonalista fil-kunsill lokali kien favur dan il-proġett ftit tax-xhur ilu? Tafuha? Insaqsi lili nnifsi, ftit tax-xhur ilu intom kontu favur u issa biex tiffumentaw sentiment negattiv, qlibtu l-pożizzjoni tagħkom. Għax vera mal-Partit Nazzjonalista qatt ma taf fejn qiegħed. Sieq ‘l hemm u sieq ‘l hawn u jimxu skont fejn ikun qiegħed itir ir-riħ.”
Dwar il-Budget 2025, il-Prim Ministru spjega kif il-Partit Laburista fil-Gvern qed jadotta politika tal-inċentiv, u rrefera għal bosta miżuri, fosthom il-€140 miljun li se jibqgħu fi bwiet in-nies riżultat tat-tax cuts, iż-żieda fiċ-children’s allowance, u ż-żieda fil-pensjonijiet.
Il-Prim Ministru temm b’messaġġ ċar li mal-Partit Laburista kulħadd jaf fejn qiegħed.
Qal, “Huma dawk l-isfidi li jsaħħuna bħala pajjiż u poplu wieħed biex għada nagħmluh dejjem aqwa mil-lum. Bikom magħna kollox possibbli. Bikom magħna xejn ma jwaqqafna milli nilħqu l-miri tagħna, miri ekonomiċi, miri ambjentali, miri soċjali, miri ambizzjużi biex nagħmlu l-qabża li jmiss, qabża lejn pajjiż ta’ kwalità biex flimkien inkomplu nġeddu Malta pajjiżna.”