Aleksandar Bogdanovski, bouncer li jaħdem fi stabbiliment tad-divertiment f’Paceville, ta’ 35 sena mill-Maċedonja nżamm arrestat wara li kien mixli fil-Qorti li kellu 62 qartas bil-kokaina f’Paceville.
Huwa kien arrestat il-Ġimgħa filgħaxija fi Triq il-Wilġa, San Ġiljan, wara li kien innutat jaġixxi b’mod suspettuż mill-pulizija li kienu qed jagħmlu r-rondi fl-inħawi. Sussegwentament, huwa ttieħed l-għassa ta’ San Ġiljan fejn fuqu nstabu l-qratas bid-droga.
Aktar affarijiet relatati mad-droga, nstabu wara tfittxija fir-residenza tiegħu f’San Pawl il-Baħar u fil-karozza, u b’hekk, huwa ġie mixli quddiem il-Qrati nhar il-Ħadd.
Il-prosekuzzjoni qalet li fl-aħħar ġimgħat irċeviet rapporti li uffiċjal tas-sigurtà f’Paceville kien qed ibigħ droga f’post ta’ divertiment.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, filwaqt li d-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk baqa’ arrestat.