“Qed nistennew li din is-sena ‘Black Friday’ iġġib domanda b’saħħitha bħas-snin passati.” Kien dan is-sentiment ewlieni li ħareġ minn tliet stabbilimenti ewlenin li dan l-istazzjon tkellem magħhom b’antiċipazzjoni għall-offerti marbutin ma’ ‘Black Friday’.
Dan l-avveniment sar aktar popolari mal-istabbilimenti u x-xerrejja Maltin u Għawdxin fl-aħħar snin, għalkemm din it-tradizzjoni ilha li bdiet għexieren ta’ snin fuq in-naħa l-oħra tal-Atlantiku mal-mitt sena ilu.
Hawnhekk, simili għal dak li jiġri madwar id-dinja kollha, il-ħwienet jagħtu bidu għax-xiri marbut ukoll mal-festi tal-Milied, iżda mhux biss, bi skontijiet b’saħħithom.
Aktar riċenti, f’pajjiżna, qed isiru aktar popolari l-iskontijiet fuq il-prodotti matul ix-xahar ta’ Novembru kollu kif jispjegaw il-maniġer ta’ showroom Daniel Caruana u l-imprenditriċi Sonia Abela, li tkellimna magħhom fl-aħħar jiem.
Qal, “Bħalissa għaddejjin bil-kampanja tal-‘Black November’, bdejnieha mill-bidu ta’ Novembru ovvjament. Sejrin tajjeb ħafna, kien hawn domanda tajba ħafna. Nistennew ovvjament aktar lejn l-aħħar ta’ Novembru, għax in-nies għandhom sal-aħħar tax-xahar biex jiggwadanjaw mid-discounted prices u bħal kull sena nistennew li nibqgħu sejrin tajjeb ħafna.”
Qalet, “L-ewwel ħmistax kienu tajbin ħafna, kienu ta’ suċċess nista’ ngħid. Il-poplu Malti jfittixha ħafna l-‘Black Friday’, aħna nista’ nassigurak li nagħmlu skontijiet tajbin ħafna biex nagħmluha aktar attraenti u minn kif qed juri x-xogħol jidher li l-ħmistax l-oħrajn li baqagħlu Novembru se jkunu suċċess ukoll.”
Madanakollu għad fadal ukoll stabbilimenti li l-iskonijiet iżommuhom għal ġranet li huma eqreb lejn il-‘Black Friday’, li din is-sena se jaħbat nhar id-29 ta’ Novembru, bil-għan li jħeġġu aktar nies jibbenefikaw minn skontijiet akbar.
Aktar dwar dan tkellimna mal-maniġer tal-bejgħ, John Zammit.
Qal, “Nistennewha bħas-soltu, dejjem tkun tajba sena wara sena. Diġà qed inħossu feel ta’ domandi, jistaqsuna: ‘Meta ġejjin l-iskontijiet? Meta se tibdew? X’inhuma l-offerti?’ Aħna dejjem qisu inħalluha għall-ġurnata tagħna, però nibdew fit-28 li jkun il-Ħamis u nispiċċaw fit-2 ta’ Diċembru, li hu magħruf bħala ‘Cyber Monday’.”