Kważi 27% tal-kandidati li ressqu ‘l quddiem biex iservu fil-lokalitajiet tagħhom fl-elezzjoni tal-kunsill lokali ta’ Ġunju li għadda kienu nisa. Bi 28% tal-kandidati eletti kienu nisa, u Sindku minn kull 10 kienet mara.
Ċifri li juru li minkejja kien hemm żieda fl-attiviżmu politiku, xorta waħda hemm żbilanċ kbir min-naħa tas-sess femminili.
Allura l-mistoqsija tiġi waħedha – x’ qed iżomm lura lin-nisa milli jidħlu fix-xena politika lokali?
U għal dan il-għan, anke fid-dawl li ħames xhur ilu pajjiżna eletta l-kunsillieri tiegħu, ġiet imnedija riċerka xjentifika li se tkun qed tara għaliex is-sess femminili qed iżommu lura milli jipparteċipaw fil-Kunsilli Lokali.
Minbarra hekk, l-istess studju se jagħti rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jiġu megħluba dawn id-diffikultajiet sabiex ikun hemm ugwaljanza fis-sessi fir-rigward tat-tmexxija tal-Kunsill Lokali.
L-istudju, li se jkun lest sa Settembru li ġej, ser jitmexxa mill-Professur Carmen Sammut.
Kemm is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli saħqu fuq l-importanza li jkun hemm il-perspettiva tal-mara fil-Kunsilli.