Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, saħaq li 60% tal-230 miżura mħabbrin fil-Baġit għas-sena d-dieħla jindirizzaw proposti mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista ‘Malta Flimkien’.
Dan saħqu waqt li, fil-Parlament, ġew dibattuti l-estimi finanzjarji għad-dekasteru li hu responsabbli minnu.
“Ninsab informat u anke minn dak li kont qed insegwi, li hemm 100 proposta, 100 miżura f’dan il-Baġit li tindirizza 100 proposta mill-manifest elettorali, filwaqt li hemm 36 oħra li qegħdin parzjalment jiġu indirizzati minn dan il-proċess tat-twettiq tal-programm elettorali. U, allura Sur President, ma stajtx ma nissottolineax li dan huwa baġit li mhux biss qiegħed imexxi ’l quddiem l-aġenda ta’ dan il-Gvern lejn pajjiż ta’ kwalità, imma wkoll huwa baġit li, bil-fatti, bil-miżuri tiegħu, qiegħed wkoll iwettaq dak li wegħdna qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali li għaddiet.”
Matul id-diskors tiegħu, il-Ministru Azzopardi enfasizza li l-proċess tad-diġitilizazzjoni fil-proċessi tal-Awtorità tal-Artijiet hu kruċjali biex din iżżid l-effiċjenza tagħha. Bħalissa, diġà ġew skenjati 46,000 fajl jew kważi terz mill-150,000 li hemm għal dan il-proċess.
Il-Ministru semma kif, matul din is-sena, saru bosta devoluzzjonijiet kemm lill-kunsilli lokali, bħal fil-każ ta’ Birżebbuġa u San Pawl il-Baħar, biex dawn jibnu faċilitajiet għall-użu tal-komunitajiet tagħhom, kif ukoll lil bosta għaqdiet lokali, inkluż 17-il kuntratt ma’ SportMalta għal proprjetajiet li se jgħaddu f’idejn organizzazzjonijiet sportivi, kif ukoll devoluzzjonijiet lill-Aġenzija Sapport għall-proġetti soċjali tagħha.
B’rabta mal-kunsilli, Zrinzo Azzopardi żied jgħid li l-Gvern kompla jgħinhom permezz ta’ capping fil-kera ta’ mhux aktar minn €500 biex ikunu f’pożizzjoni li jħaddmu aħjar binjiet li jakkwistaw mingħand l-Istat.
Ġie nnotat wkoll li, matul is-sena d-dieħla, il-Gvern se jwessa’ l-iskemi li hemm biex l-agrikolutura tingħata s-sostenn meħtieġ, kif ukoll se jitwessgħu skemi dwar il-fidi taċ-ċnus.