Il-gżira Għawdxija se tkun ir-Reġjun tal-Kultura għas-sena d-dieħla, dan wara li fi ftit ġimgħat intemm it-terminu tar-Reġjun Lvant bħala r-Reġjun tal-Kultura 2024.
Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, fil-preżenza tal-President tal-Kunsill tar-Reġjun ta’ Għawdex, Samuel Azzopardi.
Ġie spjegat li matul is-sena d-dieħla se tiġi ċċelebrata l-identità kulturali unika tal-gżira Għawdxija permezz ta’ programm multidixxiplinarju li jesplora u jgħaqqad prattiċi tradizzjonali u dawk kontemporanji.
Il-programm se jkopri diversi dixxiplini kulturali u kreattivi bħaż-żfin, il-mużika, it-teatru, l-arti viżiva, iċ-ċinema, il-letteratura, il-wirt kulturali, l-arkitettura u l-gastronomija.
Il-Ministru Camilleri qal li din hija opportunità sabiex l-2025 tibqa’ mnaqqxa fl-istorja kulturali ta’ Għawdex filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li qed jaħdmu biex jagħmlu din l-inizjattiva suċċess.