Il-Kap tal-Partit Popolari Ewropew, l-EPP, Manfred Weber, ikkonferma li l-prijorità għall-partit tiegħu hija li jerbħu l-gwerra kontra r-Russja.
Dan meta ġie mistoqsi minn ġurnalista ta’ ONE News barra d-dar ċentrali dwar il-ksur tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti mill-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt kemm ilu Bernard Grech Kap, il-Partit Nazzjonalista għadu ma ressaq l-ebda rapport tal-kontijiet finanzjarji u rapport tad-donazzjonijiet li jdaħħal ta’ sena sħiħa.
Dan anke minkejja ħames ittri ta’ twissija li l-Partit Nazzjonalista rċieva mingħand il-Kummissjoni Elettorali, li lilha hu obbligat biex jissottometti tali rapporti.
Imma fid-dawl ta’ dan, il-Kap tal-EPP tenna li din mhijiex prijorità għaliex irid jiffoka fuq affarijiet oħra.
ĠURNALISTA: “Mr Weber, the PN part of your EPP, do not disclose donations as required by the Party Financing Law. Do you condemn this violation? Do you find it acceptable, given your frequent emphasis on the importance of the rule of law?”
MANFRED WEBER: “We want to focus now on the concerns of people. Winning of war against Russia.”
Dan minkejja li sfaċċatament il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qed jikser il-liġi u normalment il-Kap tal-EPP ikun min ta’ quddiem li jisħaq fuq l-istat tad-dritt.
Sadanittant Dr Grech kompla bl-istess litanija dwar din l-istess materja għaliex meta ġie mistoqsi bl-Ingliż dwar dan biex anka jifhem x’qed jingħad il-Kap tal-Epp, Dr Grech iddeċieda li jirrispondi bil-Malti u qal li l-awditur għaddej bix-xogħol u meta xi darba jlesti ikunu jistgħu jissottomettu r-rapport.
“Li diġa ppreżentajna issa lill-awditur, l-awditur allura imbagħad ikompli jikkonkludi x-xogħol tiegħu għaliex anka kif diġa’ infurmajtkom, kiteb lill-Kummissjoni biex jinformahom li issa ovjament ix-xogħol tiegħu kif jiġi konkluż, ikun konkluż ukoll dak kollu li hemm bżonn.”