Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-Iskola Primarja Achille Ferris tal-Imsida.
Din l-iskola l-ġdida, b’daqs ta’ 10,000 metru kwadru twaqqgħet u reġgħet inbniet, hi newtrali mill-karbonju. B’dan il-proġett sar b’investiment ta’ €24 miljun, fejn hemm finanzjament parzjali mill-Pjan ta’ Rkupru u r-Reżiljenza ta’ Malta minn fondi Ewropej.
Din l-iskola b’ambjent edukattiv mill-isbaħ żammet l-estetika tal-faċċata oriġinali tal-iskola u l-ambjent ġewwa huwa wieħed state-of-the-art, b’għadd ta’ faċilitajiet.
Fl-iskola hemm attenzjoni speċjali għas-sostennibbiltà b’pannelli solari u żamma ta’ temperatura komda fil-klassijiet.
L-iskola għandha wkoll madwar 40 klassi u tinkludi klassijiet għal suġġetti speċifiċi bħall-iżvilupp personali u soċjali, l-arti, il-mużika, ix-xjenza, il-litteriżmu, u l-etika.
Fl-iskola hemm ukoll librerija pubblika u sala, spazju rikreattiv għall-ħtiġijiet tal-komunità wara l-ħinijiet tal-iskola fosthom għall-użu ta’ Sea Scouts fl-Imsida. Taħt l-iskola hemm parkeġġ għall-karozzi fuq żewġ livelli.
Il-Prim Ministru Robert Abela fisser dan l-investiment bħala xempju ta’ kwalità li qed isir mill-Gvern fis-settur edukattiv.
Dr Abela sellem lill-edukaturi li huma mutur ewlieni fl-edukazzjoni ta’ wliedna. Innota l-aqwa ftehim għall-edukaturi ta’ titjib fil-pagi u l-kundizzjonijiet tal-edukaturi ġej mis-saħħa ekonomika u soċjali li għandna f’pajjiżna.
B’dawn jagħtu l-opportunità li pajjiżna jinvesti f’oqsma kruċjali bħalma hu s-settur edukattiv. Qal li għalhekk qed ninvestu b’mod kwalitattiv.
Il-Prim Ministru temm b’messaġġ lejn l-istudenti u l-edukaturi fl-iskola l-ġdida tal-Imsida fejn mhux biss awguralhom esperjenzi sbieħ f’ambjent ta’ kwalità iżda qal li lil hinn mill-binja, din l-iskola fil-forma ta’ proġett ta’ ġid għandha twassal biex it-tfal jaslu għall-aspirazzjonijiet tagħhom biex il-futur ikun ħajja ta’ kwalità.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima qal li dan l-investiment huwa importanti fl-iżvilupp ta’ dan it-tfal meta jikbru. Semma kif din l-iskola se tkun qed tintuża mill-komunità, kemm is-sala u anki l-parkeġġ.
Il-Kap tal-Iskola Graziella Vassallo Theuma qalet li dan huwa vjaġġ ġdid, fejn kull student jista’ jilħaq il-potenzjal tiegħu.