Mas-seba’ miljun persuna fir-Renju Unit, fil-maġġoranza pensjonanti, mistennija jkomplu jiżżerżqu lejn faqar ġdid fil-pajjiż, hekk kif ir-regolatur tal-enerġija ħabbar żidiet ulterjuri fuq dawk diġà preżenti fil-ħlas tal-kontijiet minn Jannar li ġej.
Il-capping il-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija, li jiġi rivedut kull tliet xhur skont il-prezzijiet wholesale, issa se jiżdied b’£21 oħra għal £1,738, żieda ta’ 1.2%.
Diġà qed jiġi mbassar li l-prezzijiet għoljin mistennija jippersistu wkoll fis-sajf tas-sena d-dieħla. Il-capping jirrappreżenta prezz medju li d-djar Britanniċi għandhom iħallsu għall-units tagħhom fl-elettriku u l-gass, waqt li jistabbilixxi ħlas massimu ta’ kuljum li jrid jitħallas bilfors biex is-servizzi ma jiġux sospiżi.
Din id-daqqa l-ġdida lill-Britanniċi tasal wara li sar magħruf li miljuni ta’ pensjonanti se jitilfu l-benefiċċju tal-enerġija tax-xitwa, li kien jingħata b’mod awtomatiku, bil-konsegwenza li l-maġġoranza mhux se jkunu jistgħu jsaħħnu djarhom.
Il-pajjiżi kollha Ewropej, bl-eċċezzjoni ta’ Malta, esperjenzaw żidiet sinifikanti fil-kontijiet tal-enerġija tagħhom, irrelevanti jekk hux tal-elettriku, tal-gass jew anke tal-fuels fil-pompi tal-petrol.
Bil-maqlub, mindu faqqgħet il-kriżi internazzjonali bil-Gwerra fl-Ukrajna kważi tliet snin ilu, pajjiżna kien l-uniku wieħed li żamm il-prezzijiet stabbli kemm għall-familji kif ukoll għan-negozji kollha, minkejja l-oġġezzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
Dan ukoll qed jiġi mwiegħed għas-sena li ġejja, kif tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela nnifsu, fl-indirizz tiegħu wara t-tħabbir tal-Baġit 2025 ‘Pajjiż ta’ Kwalità’.