Proġetti minn riċerkaturi lokali qed jiksbu l-appoġġ tal-Gvern permezz ta’ finanzjament li jammonta mal-€4 miljun. Tali proġetti, 17 b’kollox, ikopru seba’ oqsma differenti ta’ riċerka.
Dawn l-investimenti, li qed isiru primarjament permezz tal-programm nazzjonali FUSION, huma indikazzjoni ċara tal-impenn li għandu l-Gvern lejn il-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni.
Dan il-finanzjament ukoll se jkompli jikber matul is-snin li ġejjin, b’żieda fl-allokazzjoni s-sena d-dieħla li se titla’ għal €6.3 miljun għal FUSION u €2.2 miljun oħra fi skemi ta’ internazzjonalizzazzjoni.
Dan tħabbar mill-Ministru responsabbli Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru, Keith Azzopardi Tanti, waqt it-tieni edizzjoni tal-EXPO dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.
Dan l-avveniment ukoll jenfasizza fuq proġetti ta’ riċerka ffinanzjati minn Xjenza Malta, waqt li jipprovdi pjattaforma għar-riċerkaturi fejn jippreżentaw ix-xogħol tagħhom, filwaqt li tħeġġeġ il-bdil ta’ ideat, il-kollaborazzjoni u tiċċelebra r-riżultati straordinarji miksuba sal-lum.
Dan ukoll b’konformità mal-Pjan Strateġiku Nazzjonali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2023–2027, l-Istrateġija Smart Specialisation ta’ Malta 2021–2027 u l-Istrateġija tal-Ispazju ta’ Malta, li kollha kemm huma jindirizzaw oqsma ta’ prijorità għall-investiment fl-innovazzjoni u tkabbir futur.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni spjega kif l-EXPO tixhed riżultati konkreti tal-investimenti f’dan il-qasam b’soluzzjonijiet avvanzati, prototipi u dimostrazzjonijiet żviluppati permezz ta’ proġetti, inkluż fil-kura tal-kanċer.
“Bħala Xjenza Malta qegħdin nagħmlu dawn it-tip ta’ inizjattivi li juru b’mod ċar ħafna li r-riċerka mhijiex xi ħaġa li għandha rwol biss fil-laboratorji tagħna, imma tista’ tagħmel differenza fil-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kollha,” qal il-Ministru Grima.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni saħaq fuq l-importanza ta’ dan l-avveniment biex jiġu enfasizzati l-isforzi ta’ Malta fir-riċerka u l-innovazzjoni. Semma kif is-sena li għaddiet kienet ħarġet il-possibbiltà li titwaqqaf fondazzjoni speċjalizzata għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-kanċer.
“Illum qassamna, wara li nħareġ programm lill-awardees u mhux hekk biss, il-baġit tas-sena d-dieħla se jkun id-doppju ta’ li kien din is-sena biex b’hekk għas-sena d-dieħla m’għandna xejn inqas minn €1.6 miljun,” saħaq Keith Azzopardi Tanti.