Ilbieraħ filgħodu seħħet serqa vjolenti mil-Mużew Cognacq-Jay f’Pariġi li tammonta għal madwar miljun ewro fejn fost l-oġġetti kien hemm żewġ ‘snuffboxes’ bid-djamanti tas-seklu tmintax.
Skont stqarrija mill-kunsill ta’ Pariġi, erba’ rġiel b’wiċċhom mgħotti u armati b’mannari u mazez tal-baseball daħlu fil-mużew fil-ħin li kien miftuħ għall-viżitaturi fejn allegatament huma kissru l-vetrini u ħatfu ħames kaxxi u snuffboxes mill-esibizzjoni Luxe de Poche, (Lussu tal-But), filwaqt li ħarbu fuq żewġ scooters. Is-serqa damet biss ftit minuti u ħadd ma weġġa’.
F’din il-wirja kien hemm oġġetti mislufa mill-Palazz ta’ Versailles u l-Mużew tal-Louvre u wħud mill-oġġetti misruqa kienu mislufa mill-kollezzjoni tal-Monarkija Ingliża.
Il-Mużew Cognacq-Jay li fih hemm kollezzjoni estensiva ta’ arti u oġġetti prezzjużi tas-seklu tmintax mgħotija b’donazzjoni minn Ernest Cognacq, iddikjara li jinsab magħluq u jerġa jiftaħ għall-pubbliku fl-10 ta’ Diċembru.