Wirja dwar il-fotoġurnalista sportiv Karmenu Fava (1917-2009) kienet inawgurata dalgħodu fl-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici. Il-wirja hi kkurata minn Dr Steve Borg u tinsab fl-Arkivju tal-Qrati u Tribunali fl-Imdina.
“Din hija wirja mill-isbaħ għax għandha bħala tema ewlenija l-isport Malti. Fil-verità din hija wirja li tirrappreżenta ritratt tal-poplu tagħna kollu. Pajjiż mingħajr memorja huwa wieħed iltim, u l-isport kien dejjem mera rappreżentattiva tal-poplu,” stqarr il-Ministru Bonnici.
Karmenu Fava, magħruf bħala Charlie, twieled f’Tas-Sliema fl-1917. Ta’ sittax-il sena missieru kitbu fir-Royal Naval Dockyard bħala apprentista fejn laħaq electrical fitter. Serva mal-Militar Brittaniku f’Lixandra, l-Eġittu matul il-gwerra u rtira fl-1977 mat-234 Signal Squadron tar-Royal Air Force.
Fis-snin sittin Fava beda jieħu ritratti b’tema sportiva, li bdew jidhru fil-gazzetti tal-Union Press. Sar sinonimu madwar Malta bħala fotografu ta’ kull sport ipprattikat f’pajjiżna, minn dawk tal-massa bħall-futbol u l-waterpolo sa dawk minuri bħall-isparar bil-qaws, l-atletika, il-lotta u l-ibburdjar u tul għexieren ta’ snin iddokumenta eluf ta’ sportivi Maltin li jidhru f’ritratti uniċi. Kien l-ewwel fotoġurnalista sportiv Malti.
Apparti l-fotografija sportiva, Fava kellu passjoni għall-patrimonju Malti u fl-istess perjodu beda jiddokumenta, kemm fuq pellikola tal-35mm u anke fuq slajds bil-kulur, il-kappelli rurali, is-swar u t-torrijiet tal-Kavallieri, il-binjiet fil-Belt Valletta, it-tempji tal-qedem u s-siti storiċi minuri, l-arloġġi tax-xemx u aspetti tal-ħajja f’Malta bħal gruppi mużikali Maltin tas-snin sittin.
Wara li miet fl-2009, ibnu Raymond u l-familja tiegħu għaddew din il-ġabra ta’ ritratti tiegħu lill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta. Ix-xogħol kollu tiegħu ġie miġbur f’kollezzjoni li kienet ikkurata minn Dr Steve Borg, li ġabar, evalwa u kklassifika dawn ir-ritratti. Il-kollezzjoni hija magħmula minn eluf ta’ negattivi ta’ 35mm, 2,730 ritratt stampat, 3,356 slide.
L-arkivista nazzjonali Dr Charles Farrugia rringrazzja lil Raymond Fava li ta din il-kollezzjoni prezzjuża bħala donazzjoni lill-pajjiż biex titgawda mill-poplu u lil Dr Steve Borg li evalwa b’mod professjonali u mingħajr ħlas din il-kollezzjoni biex tasal f’idejn l-Arkivji Nazzjonali u biex ittellgħet din il-wirja.