Fi stqarrija konġunta bejn Infrastructure Malta u Transport Malta ntqal kif ix-xogħol li sar taħt il-mini ta’ Santa Venera matul il-lejl li għadda kienu sabiex isiru interventi b’urġenza minħabba ħsarat li żviluppaw fit-triq li kienu perikolużi għall-pubbliku u li setgħu wasslu għal inċidenti aktar gravi.
Ix-xogħlijiet ġew ippjanati li jsiru fuq żewġt iljieli.
Ix-xogħol pjanat f’dan l-ewwel lejl kien jinvolvi t-tqaxxir ta’ żewġ saffi ta’ asfalt u l-għoti tal-ewwel saff bħala bażi. Huwa ppjanat li matul il-lejl li ġej jingħata t-tieni saff bħala l-wiċċ finali.
Minħabba li t-triq infetħet fil-5am mingħajr l-aħħar saff ta’ asfalt, u dan sabiex ittriq tkun tista’ tintuża, wassal biex il karozzi jsuqu b’iktar kawtela u allura nħoloq traffiku iktar mis-soltu.
Ix-xogħlijiet se jikkonkludu matul il-lejl li ġej b’din l-istess karreġġjata tingħalaq bejn id-21:00 u l-05:00, skont il-pjan oriġinali.