Il-Gvern Malti qed jaħdem qatigħ biex jiżviluppa qafas regolatorju għall-public-private partnerships, addattat għall-ħtiġijiet tal-lum ta’ pajjiżna.
Dan ġie żvelat waqt konferenza apposta mtellgħa mill-Malta Strategic Partnership Projects Limited, l-MSPP, fejn ingħad li qed isir evalwazzjoni ta’ mudelli internazzjonali u Ewropej ħalli jiġu identifikati l-aħjar prattiċi u sistemi innovattivi biex jitwettqu proġetti li huma essenzjali kemm għall-ekonomija u anke għall-poplu Malti.
Fost numru ta’ kelliema, il-Ministru responsabbli mill-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, enfasizza l-importanza tal-public-private partnerships fil-kisba tal-miri ta’ ‘Viżjoni Malta 2050’.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MSPP, Marisa Marmara, enfasizzat l-importanza tat-trawwim ta’ sħubijiet sostenibbli flimkien mal-isforzi biex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat.