Grupp ta’ żgħażagħ ta’ bejn l-erbatax u s-sbatax-il sena, li jinsabu fil-kura alternattiva, kellhom l-opportunità jsegwu mill-qrib il-ħidma tal-Pulizija tal-Kavallerija u jqattgħu jum tipiku ta’ ħidma magħhom.
F’din il-ġurnata fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, iż-żgħażagħ mhux biss tgħallmu dwar iż-żwiemel u l-kura tagħhom, iżda kellhom iċ-ċans jidħlu fl-istalel magħhom u anke jmorru dawra fuqhom, taħt il-gwida tal-uffiċjali fit-taqsima.
Din l-attività kienet parti minn kollaborazzjoni kontinwa bejn il-Korp tal-Pulizija u d-Direttorat tal-Kura Alternattiva fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS, bil-għan li tfal u żgħażagħ f’kura alternattiva, jgħixu esperjenzi uniċi u, fl-istess waqt, edukattivi.
F’kummenti, id-Direttur tad-Direttorat tal-Kura Alternattiva, Remenda Grech, spjegat li “din iż-żjara serviet bħala opportunità għaż-żgħażagħ li naħdmu magħhom aħna, li qegħdin f’kura alternattiva f’diversi djar residenzjali tagħna. Hi opportunità meraviljuża li setgħu jqattgħu ġurnata ma’ dawn iż-żwiemel u, b’hekk, tgħallmu ħiliet importanti – bħal responsabbiltà, kunfidenza u empatija, li huma parti mill-ħiliet li aħna nkunu rridu ngħallmu lil dawn iż-żgħażagħ bħala parti mill-esperjenza ħolistika tagħhom.”
Is-Surġent David Fenech, mit-Taqsima tal-Kavallerija, spjega li “llum ġew dawn it-tfal li tajnihom iċ-ċans ikunu qrib aktar taż-żiemel. Min jarah, iż-żiemel hu annimal kbir, allura jkun hemm ċertu biża’, allura aħna nagħtuhom dak iċ-ċans li jersqu aktar fil-qrib tal-annimal. Nispjegawlhom x’għandhom jagħmlu meta jkunu qegħdin ħdejh u nagħtuhom ukoll iċ-ċans li jirkbuhom ukoll peress li huma żwiemel kalmi, nagħtuhom iċ-ċans li jkun hemm dik l-interazzjoni bejn l-annimal u l-bniedem.”