Ilbieraħ f’Ateni l-Ġreċja, eluf ta’ ħaddiema ħadu sehem f’marċ ta’ protesta li kien jifforma parti minn strajk ġenerali ta’ 24 siegħa msejjaħ mill-unjins tal-ħaddiema kontra l-għoli tal-ħajja hekk kif il-gvern kien qed jissottometti il-baġit tiegħu għas-sena 2025 fil-Parlament. L-unjins tal-ħaddiema qed jitolbu li jiġu riveduti l-ftehim kollettiv tal-pagi li kienu ġew imnaqqsa matul il-kriżi finanzjarja li bdiet fl-2010.
Ħaddiema mis-settur pubbliku u anke privat waqfu mix-xogħol bħala parti minn azzjoni industrijali li pparalizzat it-trasport pubbliku filwaqt li l-laneċ u vapuri li jgħaqqdu l-gżejjer Griegi mal-pajjiż tħallew marbuta fil-port.
Fost dawk li ngħaqdu fl-istrajk kien hemm il-ħaddiema mediċi tal-isptarijiet tal-istat u għalliema. Huwa stmat li madwar tnax-il elf ruħ ħadu sehem fil-marċ ta’ protesta li sar f’Ateni filwaqt li madwar ħamest elef oħra għamlu l-istess fil-belt fit-Tramuntana tal-pajjiż Thessaloniki.
Il-kap tal-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Ħaddiema fil-Greċja, l-unjin li tirrappreżenta l-ħaddiema tas-settur privat, Yannis Panagopoulos, qal li riedu juru r-rabja u r-riżentiment tal-ħaddiema bil-paga u dak li kien qed jiġri mid-dħul tagħhom. Huwa tenna li m’hemm l-ebda mod kif jikkumbattu l-għoli tal-ħajja jekk mhux b’żieda fis-salarji.
Il-kriżi finanzjarja kienet rat it-telf ta’ kwart tal-ekonomija tal-pajjiż fejn għexieren ta’ snin ta’ nefq bl-addoċċ ħalla lil-pajjiż barra mis-swieq internazzjonali. Il-Greċja kienet irċeviet għajnuna finanzjarja internazzjonali bil-kundizzjoni li l-pajjiż jimplimenta riformi estensivi li ma niżlu tajjeb xejn mal-popolazzjoni hekk kif kienu jinkludu tnaqqis fil-pensjonijiet u l-pagi li raw żieda kbira fil-faqar u r-rata ta’ qagħad.
Minn dak iż-żmien il-pajjiż irreġistra tkabbir ekonomiku b’saħħtu u riċentament reġa kiseb status ta’ grad ta’ investiment iżda xorta għadu jżomm l-ogħla rata ta’ dejn fl-Unjoni Ewropea meta mqabbel mal-prodott ġenerali domestiku.
Il-ġurnalisti għamlu l-istrajk tagħhom it-Tlieta fejn għal 24 siegħa ma ġiet irrappurtata l-ebda aħbar, biex setgħu jirrappurtaw l-istrajk ġenerali tal-Erbgħa.