Waqt li inawgura riġenerazzjoni tal-kwartieri tal-Bank of Valletta f’Santa Venera, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-proġett hu pass kruċjali lejn it-tisħiħ tal-istandards fl-effiċjenza fl-enerġija. Hu spjega l-importanza ta’ proġetti simili, għax ukoll jixhed ir-responsabbiltà li għandu s-settur finanzjarju bħala katalist b’finanzjament lejn il-qalba ekoloġika.
Dr Abela għamel aċċenn għad-direzzjoni lejn il-kwalità, li qed jagħti l-baġit għas-sena d-dieħla, fost oħrajn bid-deċiżjoni tal-Gvern li jikkontribwixxi fil-pensjoni privata tal-ħaddiema tiegħu.
Waqt din l-inawgurazzjoni, il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Kenneth Farrugia, spjega li llum kważi 40% tal-impjegati jistgħu jaħdmu b’mod remot mhux bilfors mill-uffiċċju.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-BOV, Dr Gordon Cordina, tenna li dan l-investiment jirrifletti l-impenn tal-Bank li mhux biss iħares lura lejn l-istorja ta’ suċċess, iżda jimpenja ruħu li jkompli jiġġedded u jaddatta għall-ħtiġijiet dejjem jevolvu tas-settur finanzjarju.
Il-Prim Ministru Robert Abela esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-investiment proprju fil-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tal-Bank.
Hu awgura lill-bank għal aktar snin ta’ servizz u xogħol fis-settur u xogħol fis-settur finanzjarju, iżda għal aktar snin ta’ ħidma.