F’laqgħa tal-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika kien hemm qbil unanimu fuq żewġ proposti mressqin, filwaqt li l-Oppożizzjoni oġġezzjonat għal oħra li ttrattat l-użu tal-Workers’ Memorial Building mill-General Workers’ Union, li ilha topera fih mill-ħamsinijiet.
Id-deputati taż-żewġ naħat qablu dwar trasferiment tal-bini kollu tal-Junior College u l-kampus tal-Università f’Għawdex lill-Università ta’ Malta u anke dwar il-valur pro-rata mnaqqas tal-qies tal-art li fuqha hemm mifrux il-kumpless Pavi f’Ħal Qormi.
Minkejja dan, riżoluzzjoni mressqa mill-Gvern biex jitwessa’ l-użu tal-kwartieri tal-General Workers’ Union għal użu kummerċjali, fejn l-unjin intrabtet li tħallas is-somma ta’ €2 miljun sabet l-oġġezzjoni tal-Oppożizzjoni u allura issa d-deċiżjoni trid tiġi diskussa fil-plenarja.
Il-Ministru responsabbli mill-Artijiet, Stefan Zrinzo Azzopardi, irrimarka li din ir-riżoluzzjoni qed tara emendi fuq il-kuntratt maqbul fl-1997, waqt li ddeskriva d-deċiżjoni tal-Oppożizzjoni bħala stramba.
Ta’ min ifakkar li l-Partit Nazzjonalista, fi żmien il-Kap Simon Busuttil, kien saħansitra fetaħ kawża kontra l-istess unjin dwar l-użu tal-binja, bl-iskop li jiżgombraha mill-post, iżda l-Qorti ddeċidiet kontrih.