Il-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili issa għandhom ilbies protettiv ġdid li jista’ jintuża f’operazzjonijiet li jinvolvu nirien u ilma. Dan l-ilbies, b’materjal li l-ebda pajjiż għad m’għandu bħalu, hu aktar sigur għall-ħaddiema tas-salvataġġ, 35% eħfef u aktar komdu minn dak li kellhom u hu addattat għall-klima ta’ Malta.
Dan proprju tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Pajjiż ta’ Kwalità’, indirizzata mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u fil-preżenza ta’ numru ta’ pumpieri.
Id-Direttur tas-CPD Peter Paul Coleiro tkellem dwar dan l-ilbies protettiv u l-importanza tiegħu.
Qal, “Il-performace rate tagħha hu għoli, rajnih fit-testijiet u anke ttestjajnihom hawn Malta, jiġifieri ma qagħadniex biss fuq dak li qalilna s-supplier u din ġiet maħsuba għal dawk il-postijiet fejn it-tibdil fil-klima hu aktar sħun u, allura, li qed jiġi jkollok tendenza li l-pumpier ineħħi l-ilbies, għax ma jkunx jiflaħ is-sħana. Din se tnaqqas minn dak il-fatt. Bħala materjal dan hu state of the art. Mhawn l-ebda Civil Protection fid-dinja li għandu bħalu u se nkunu l-ewwel u kunfidenti bl-esperimenti li saru fil-laboratorji fl-universitajiet u li għamilna aħna biex insalvaw u nipproteġu.”
Il-Ministru Byron Camilleri elenka l-investiment massiċċ li sar f’dan id-dipartiment fl-aħħar snin u dak li se jsir fil-ġimgħat u xhur li ġejjin. Fost dawn semma x-xogħol fl-istazzjonijiet tax-Xemxija, tal-Furjana ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, is-CCTV kameras fit-trakkijiet li se jgħinu fl-operazzjonijiet u l-ftehim settorjali ġdid li se jiġi nnegozjat għall-ħaddiema li jammontaw għal 373 ħaddiem.
Spjega wkoll kif dan id-dipartiment hu ppreparat, mgħammar u mħarreġ għal kull eventwalità li tista’ tinqala’ f’pajjiżna.
Qal, “B’dan il-mod, il-ħaddiem mhux biss se jkun aktar komdu, imma se jkun aktar sigur, jista’ jaħdem aħjar biex finalment ikun jista’ jagħtina servizz aħjar. B’dan il-mod verament inkunu qed nagħtu serħan il-moħħ lis-soċjetà li, jekk jinqala’ xi ħaġa, hemm min jipproteġiha u l-ħaddiem mhux biss għandu l-għodda kollha possibbli, imma għandu drittijiet u kundizzjonijiet mill-aħjar u ppreparat biex jagħti dik l-għajnuna.”