It-tim nazzjonali Malti temm l-impenji tiegħu f’Grupp D2 tal-UEFA Nations League b’draw ta’ mingħajr goals kontra Andorra, f’partita li ntlagħbet fl-Stadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.
Kienet partita li ġiet ikkundizzjonata minn tkeċċija kmieni għat-tim nazzjonali Malti li bla dubju ta’ xejn bidlet xi ftit il-pjanijiet tal-kowċ Davide Mazzotta li għalih din kienet l-aħħar logħba tiegħu bħala kowc interim tat-tim nazzjonali Malti.
Il-ftuħ kien wieħed tajjeb għal Malta fejn deher ċar li mill-partita t-tim Malti ried il-massimu tal-punti sakemm fis-17 il-minuta d-difensur ta’ Gzira United Gabriel Bohrer Mentz ġie muri l-karta l-ħamra wara foul li wettaq f’attakk ta’ Andorra.
Din it-tkeċċija bidlet xi ftit il-forma li beda biha t-tim minkejja li t-tim Malti xorta kien aggressiv u prova jkun perikoluż partikularment fl-ewwel taqsima.
B’plejer aktar, Andorra tjiebu speċjalment fit-tieni taqsima u jekk fl-ewwel waħda huma pruvaw kemm jista jkun jagħlqu l-spazzji, fit-tieni 45 minuta Andorra kienu aktar avventurużi u saħansitra iżjed perikolużi madanakollu l-plejers Maltin baqgħu dixxiplinati sal-aħħar biex il-konfront intemm 0 – 0.
B’dan id-draw ma’ inbidel xejn fil-klassifika għaliex Malta xorta temmet l-impenji tagħha fit-tieni post tal-klassifika b’total ta’ 7 punti u b’hekk se tkun qed tilgħab play-off għal promozzjoni f’Marzu 2026.