Il-Partit Laburista rnexxielu jirriġenera ruħu fil-Gvern fejn illum għandu wkoll żewġ Deputati Mexxejja u amministrazzjoni ġdida, dan filwaqt li l-Oppożizzjoni hi staġnata.
Dan innotah il-Prim Ministru Robert Abela, waqt il-programm ‘XTRA’ fuq ix-xandir nazzjonali, fejn sostna dwar kif Gvern Laburista għandu l-kapaċità li jindirizza r-realtajiet tan-nies.
“Kollha jindikawlek li l-poplu llum qiegħed jgħidilna li intom kapaċi tindirizzaw ir-realtajiet tal-lum. X’inhuma? Il-kwistjoni jekk għandniex ħaddiema barranin iżjed milli jeħtieġ fis-suq tax-xogħol tagħna, jekk għandniex biżżejjed spazji ħodor u miftuħa, u jekk jeħtieġx li nagħmlu iżjed investimenti ta’ spazji ħodor u miftuħa. Jien għalija ċarissima, għandna ritmu tajjeb li għaddej, imma rridu nintensifikawh aktar, irridu nagħtu aktar spazji ħodor u miftuħa. Irridux intejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies, ir-risposta hija fl-affermattiv, imma dawn kollha r-realtajiet, pereżempju, il-kwistjoni tat-traffiku, nistgħu nindirizzawha b’mod aħjar, il-poplu nemmen li jafdana biex nindirizzawha u nemmen li nistgħu nindirizzawha b’mod aħjar.”
Dwar mart il-Ministru Clayton Bartolo, il-Prim Ministru tenna li kien hu li aktar minn tliet snin ilu ttermina l-impjieg tagħha u reġa’ ċċara li ilha ma taħdem mal-Gvern tliet snin, waqt li nnota d-double standards tal-Oppożizzjoni.
Hawn issemmew deputati Nazzjonalisti bħal Toni Bezzina u David Agius li anke wara li nġibditilhom l-attenzjoni fuq post tax-xogħol li għandhom mal-Gvern, baqgħu ma marrux għax-xogħol, b’Bezzina jmur biss biex jiġbor il-voucher tal-fjuwil għall-karozza tiegħu għal skop privat.
Qal li wieħed jistenna li l-Oppożizzjoni ma tużax riga differenti f’dan ir-rigward, ladarba Bezzina jinstab ħati mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
“Meta jinstab ħati issa ta’ dak li qiegħed ngħid jien fil-konfront tiegħu llum il-ġurnata. Bl-istess riga li trid tintuża ma’ Amanda Muscat, irridu nużaw l-istess riga miegħu. Għaliex dan il-kwistjoni ta’ intitolament, li membri tal-Oppożizzjoni tħoss li għandhom pożizzjoni privileġġjata, li jaġixxu kif iridu u meta jridu, u bil-mod li jridu huma mit-taxxi tal-poplu tagħna u għal ħaddieħor jintuża kejl ieħor, mhux aċċettabbli. Jien nemmen li għandu jkun hemm l-istess kejl dwar il-governanza tajba lil kulħadd.”