L-eks Prim Ministru Joseph Muscat ippubblika korrispondenza li bagħat lit-Times biex iwieġeb għal rapportaġġ żbilanċjat dwar l-esperta Serba Miroslava Milenovic u n-nuqqas ta’ kwalifiki tagħha minkejja li tqabbdet f’inkjesti bħala forensic accountant.
Wara li Milenovic ammettiet li m’għandhiex degree fl-accounting u wisq inqas warrant biex tipprattika bħala accountant, it-Times irrapportat li l-istess esperta kienet imqabbda fl-inkjesta Egrant u kif Muscat ma ddubitax mill-għarfien tagħha dakinhar.
Minkejja dan, l-eks Prim Ministru tenna li, fil-każ ta’ Egrant, hu qatt ma kellu l-opportunità li jikkonfronta lil Milenovic, waqt li reġa’ nsista li m’għandu l-ebda problema jekk il-każ Egrant jerġa’ jinfetaħ, kif qed jissuġġerixxu xi wħud.
Dan anke, tenna Dr Muscat, għax kieku jerġa’ jikkonferma l-innoċenza tiegħu u ta’ martu f’dik l-akbar gidba fl-istorja, b’falsifikar ta’ dokumenti u firem minn whistleblower li għadha qed taħrab il-ġustizzja lokali.
Dwar l-involviment tal-esperta Serba f’Egrant, Muscat tenna li l-Maġistrat ta’ dak iż-żmien kien ħa r-rapporti tal-esperti bħala kontribut tal-ħidma tiegħu, fejn ikkonfronta l-verżjonijiet, staqsa l-mistoqsijiet, għamel il-valutazzjonijiet neċessarji u ħareġ bir-rapport tiegħu.