Ħafna Għawdxin li llum għandhom kważi tletin sena jew aktar forsi jiftakru jżuru l-presepju tal-Milied ta’ Frank Mizzi, miftuħ għall-pubbliku fil-festi tal-Milied ħdejn id-dar tiegħu fi Triq tal-Għajn, ftit ‘il bogħod minn Pjazza Santu Wistin.
Iż-żmien tal-Milied ma kienx ikun komplut mingħajr żjara lil dan il-presepju. Dan il-presepju mdaqqas kien jippermetti li ddur dawra sħiħa miegħu fi żjara li kienet tieħu madwar għoxrin minuti bil-kummentarju b’kollox.
Frank Mizzi beda jibni dan il-presepju madwar erbgħin sena ilu u baqa’ jibni u jżid fuqu matul is-snin.
Fl-2019, Frank Mizzi, issa fit-tmeninijiet tiegħu, u martu Tarcisia ddeċidew li joffru dan il-presepju artistiku bħala donazzjoni lill-Mużew Il-Ħaġar.
Il-presepju ġie trasferit mid-dar ta’ Mizzi għall-Mużew fejn reġa’ ġie mibni bl-għajnuna ta’ grupp ta’ voluntiera dedikati taħt is-superviżjoni tal-istess Mizzi.
Il-presepju ser jinżamm fil-Mużew b’mod permanenti fis-sular t’isfel maħsub propju għal dan
il-għan.
Ix-xogħolijiet fuq il-madwar tal-presepju li ser jinkludu effetti interattivi għadhom għaddejjin u jintemmu fix-xhur li ġejjin.
Dan il-proġett ser jiġi inawgurat minn Frank Mizzi nnifsu u mbierek mill-Fundatur u l-Kuratur tal-Mużew, il-Mgr Dr Joseph Farrugia nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Novembru fis-7:30pm.
Kulħadd huwa mistieden biex jattendi. Il-pubbliku jista’ jżur il-presepju fil-ħinijiet ta’ ftuħ tal-Mużew, mit-Tnejn salĦadd bejn id-9:00am u l-5:00pm. Dħul huwa b’xejn.
Dan il-proġett huwa ko-finanzjat mill-Gozo Action Group Foundation permezz tal-programm LEADER.