“L-ilma huwa fil-qalba tal-missjoni ta’ Malta biex nibnu reżiljenza kontra l-isfidi dejjem jiżdiedu tat-tibdil fil-klima,” iddikjarat il-Ministru Miriam Dalli waqt indirizz fil-COP29 f’Baku.
“Peress li d-domanda fuq is-sistema tal-ilma qed tiżdied, qed inkunu pijunieri b’modi sostenibbli biex intejbu l-infrastruttura u s-servizzi tal-ilma. L-impjant ta’ desalinizzazzjoni avvanzat f’Għawdex, li juża 23.5% inqas enerġija minn impjanti konvenzjonali — rekord ġdid — huwa prova ta’ din l-impenn.”
Fil-COP29, pjattaforma globali għal azzjoni klimatika, id-delegazzjoni ta’ Malta enfasizzat is-sigurtà tal-ilma bħala pilastru ta’ klima reżiljenti. Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma (WSC) Karl Cilia saħaq fuq il-kisbiet tal-pajjiż, billi nnota żieda fl-effiċjenza tan-netwerk minn 52% fl-2011 għal 72.7% illum, kif ukoll tnaqqis sinifikanti fit-telf tal-ilma. “Is-sistema tagħna ta’ ilma riċiklat, ‘New Water’, ipproduċiet 1.6 miljun metru kubu fl-2022 għall-agrikoltura u naqqset il-pressjoni fuq l-ilma tal-pjan u b’hekk komplejna nappoġġjaw il-biedja sostenibbli.”
Malta ppreżentat ukoll l-istrateġiji innovattivi għall-finanzjament, bħall-qafas ta’ green bonds ta’ €25 miljun, kif ukoll pjan biex pajjiżna jesplora l-kunċett ta’ blue bonds għall-infrastruttura marittima. Dawn l-inizjattivi juru kif Malta qed tintegra l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari biex tilħaq l-għanijiet klimatiċi tagħha.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma (EWA), Manuel Sapiano, saħaq aktar fuq il-viżjoni tal-pajjiż għall-proġetti ta’ enerġija rinnovabbli offshore. “Dawn l-iżviluppi mhumiex biss soluzzjonijiet enerġetiċi iżda qed iġibu wkoll benefiċċji ekonomiċi u ambjentali fis-setturi kollha, filwaqt li joħolqu futur aktar reżiljenti u sostenibbli.”
L-isforzi ta’ Malta ġew imfaħħra minn Gianni Chianetta, Fundatur u Chairman tal-Greening the Islands Foundation, li nnota l-avvanzi ta’ pajjiżna fil-ġestjoni tal-ilma u l-enerġija rinnovabbli. “Meta niġu għall-ilma, Malta hija avvanzata ħafna. It-teknoloġija tad-desalinizzazzjoni, speċjalment l-impjant il-ġdid f’Għawdex, hija effiċjenti ħafna u hija xhieda tad-direzzjoni pożittiva li qed tieħu Malta.”
Chianetta saħaq wkoll dwar l-inizjattivi ta’ Malta fl-enerġija tar-riħ offshore fejn qal li Malta qed tapplika approċċ tajjeb. Ir-rimarki tiegħu juru kif ir-reputazzjoni ta’ Malta li fl-aħħar snin kompliet tissaħħaħ f’dak li għandu x’jaqsam innovazzjoni sostenibbli, li tibbilanċja l-immaniġġjar effiċjenti tal-ilma ma’ strateġiji ta’ enerġija rinnovabbli, kif enfasizzat mid-Direttur Ġenerali tal-IRENA stess, Francesco La Camera.