Investiment soċjali rekord ta’ €42 miljun fis-servizzi offruti mill-FSWS
Il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS, ħabbret li se tkompli tkabbar l-investiment soċjali tagħha bil-għan li tipprovdi aktar servizzi b’saħħithom u li jilħqu aktar nies li jkollhom bżonn għajnuna fl-immedjat.
Investiment li se jlaħħaq rekord ta’ €42 miljun jew żieda ta’ aktar minn €5 miljun fuq l-allokazzjoni fl-aħħar sena.
B’hekk se jkomplu jissaħħu s-servizzi mogħtija mill-Appoġġ, id-Direttorat għall-Kura Alternattiva, dawk tal-vjolenza domestika u dawk kollha offruti miċ-ċentri mifruxa madwar Malta u Għawdex.
Il-preżentazzjoni tal-ħidma tal-FSWS saret mill-Kap Eżekuttiv stess, Alfred Grixti, fil-preżenza tal-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon.
Grixti spjega kif qed isir investiment kbir biex il-ħaddiema jkollhom il-kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba u kkumpensati kif jixraq. Dan kollu qed isir wara l-aqwa ftehim kollettiv li ġie ffirmat f’April ta’ din is-sena.
Hu qal li, anke permezz ta’ baġit akbar, se jkomplu jiżdiedu l-istejjer ta’ suċċess, li sa nofs din is-sena diġà jlaħħqu mal-20,000 każ.
“Kull fejn ftaħna uffiċċju fil-komunità, bażi żgħira fil-komunità, in-nies ġew, għalhekk żdiedu n-numri, żdiedu għax ukoll aħna qegħdin f’pożizzjoni issa bil-Baġit akbar li għandna, li kien sostnut tul dawn il-11-il sena, li nkomplu nżidu fuq is-servizzi li qegħdin nagħtu.”
Il-Ministru Falzon, min-naħa tiegħu, stqarr kif il-politika tal-inklużjoni hi l-politika li għandha tmexxi lil kull qasam fil-pajjiż.
Semma kif trid tkun kapaċi tilħaq lil kulħadd, speċjalment li jitolbu l-għajnuna u jkunu jridu jimxu ’l quddiem fil-ħajja u jitilgħu tarġa ’l fuq fis-soċjetà. Tenna li, għalhekk, li madwar 27% tan-nefqa tal-pajjiż tgħaddi mill-Ministeru għall-ħidma soċjali, biex ħadd ma jintefa’ taħt it-tapit jew jintrema.
“Li nemmnu fil-qasam soċjali naħseb mhijiex għad-diskussjoni. Huwa Gvern, amministrazzjoni, fejn kull amministrazzjoni Laburista dejjem emmnet fil-qasam soċjali. Qed naraw sena wara sena li l-akbar nefqa tmur fil-qasam soċjali, nefqa li hemm ritorn għaliha, fejn mhux qed nonfqu l-flus fis-soċjal, imma qed ninvestu fis-soċjal. Din is-sena ħa ninvestu xejn inqas minn €2.3 biljun minn ministeru wieħed, fejn hu xhieda tal-valuri soċjali li dan il-Gvern tant jemmen fihom.”