Sbieħ nhar il-Ġimgħa li għadda, żewġt iżwiemel tal-Malta Polo Club, li kienu qed jinżammu f’paddock tal-Malta Equidrome, ġew irrapportati nieqsa u s’issa għad ma nstab l-ebda ħjiel x’seta’ sar minnhom.
Jeremy Besancon, membru tal-Malta Polo Club, spjega kif, bejn l-4:00 u l-4:30 tal-Ġimgħa filgħodu, iż-żwiemel kienu fil-paddock, għax sidien oħrajn li jitilqu żwiemel fil-paddocks ħdejhom rawhom sa dak il-ħin.
Hu qalilna li ż-żwiemel huma proprjetà tal-Malta Polo Club u li nxtraw bl-għajnuna finanzjarja ta’ EquestriMalta.
Għalkemm l-ewwel ħsieb meta ma rawhomx fil-paddock kien li dawn setgħu ħarġu, però il-fatt li kienu neqsin l-katina u l-katnazz li jagħlqu l-paddock kien riżultat li dawn insterqu. Immedjatament sar rapport lill-Pulizija, iżda s’issa għad ma kellhom l-ebda informazzjoni li tindika x’seta’ sar minnhom jew fejn qegħdin.
Jeremy ikkonferma wkoll li kienu ġew irrapportati nieqsa pjanċi ta’ vann mill-post li wkoll hi koinċidenza kbira.
Hu qal li n-nuqqas ta’ dawn iż-żwiemel qed jinħass minn kulħadd, inkluż dawk li kienu jitgħallmu fuqhom hekk kif kienu parti integrali mill-akkademja ta’ taħriġ għal dawk li xtaqu jibdew jipprattikaw dan l-isport.
“Iż-żwiemel ilhom magħna għal xi tliet snin, ġew minn Franza, il-valur tagħhom ovvjament hu sostanzjali, madwar tmint elef ewro, imma għall-klabb mhuwiex il-valur tal-flus f’dan il-punt, hu l-valur taż-żiemel li kien parti integrali mill-akkademja tagħna”.
Il-Malta Polo Club qed joffri rigal ta’ elf ewro jekk xi ħadd għandu informazzjoni li twassal għar-ritorn ta’ dawn iż-żwiemel qawwijin u sħaħ, iżda s’issa għadu ma kien hemm l-ebda rispons f’dan r-rigward.
Viżibilment emozzjonat, Jeremy għamel appell ukoll li, f’dan l-istadju, għas-serħan tal-moħħ tagħhom u ta’ sidien oħrajn, kull informazzjoni dwar x’seta’ ġara hi apprezzata.