Fi stqarrija l-FKNK qalet kif bis-saħħa tad-determinazzjoni tal-Gvern Malti u r-rieda politika qawwija tal-Onorevoli Ministru Clint Camilleri, li wettaq l-obbligi enfasizzati fil-każ riċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar l-insib għall-għasafar tal-għana (C23/23) fil-konfront ta’ Malta, is-‘Citizen Science Finch Research Programme’ tal-Gvern daħal fil-ħames sena konsekuttiva tiegħu. Dan il-programm, implimentat b’deroga, juri l-impenn tal-gvern li jirrikonċilja l-isforzi ta’ konservazzjoni mat-tradizzjonijiet soċjokulturali.
Intqal kif min-naħa l-oħra, BirdLife Malta (BLM), li tippretendi li hi ’l fuq mil-liġi, dgħajfet dawn l-isforzi billi rrifjutat li taqdi l-obbligi tagħha bħala r-rappreżentant ta’ EURING (‘European Bird-Ringing Scheme’) għal Malta. Ir-rifjut ta’ BLM li tonora kuntratt ta’ servizz tal-gvern, flimkien mal-oppożizzjoni tagħha għall-ħruġ ta’ liċenzja għar-ringing tal-għasafar lil bird ringer Irlandiż bl-esperjenza, liċenzjata u maħtura mill-gvern, juri livell ta’ nuqqas li ma jistax jiġi injorat.
L-istqarrija tenniet kif bis-suċċess tas-‘Citizen Science Finch Research Programme’ huwa evidenti. B’differenza mill-bird ringing approach tal-BLM, li jista’ jsir f’kull ħin tal-ġurnata jew bil-lejl u kullimkien, inkluż ġo santwarji tal-għasafar, u li ta qabda medja annwali ta’ 9 għasafar tal-għana fuq medda ta’ 44 sena, in-nassaba, b’regolamenti stretti u restrizzjonijiet, qabdu medja ta’ 1,137 għasfur tal-għana fuq medda ta’ sentejn. Dawn l-għasafar tal-għana jinħelsu immedjatament lura fis-selvaġġ wara li jiġu ċċekkjati għal ċrieket xjentifiċi. Din id-dejta min-nassaba tenfasizza l-effiċenza tal-programm u l-kontribut tiegħu għar-riċerka siewja.
L-FKNK spjegat li biex twessa’ l-iskop xjentifiku tal-programm, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) fittxet koperazzjoni internazzjonali. Tender tal-gvern irriżulta fl-ingaġġ tas-Sur Declan Coney, bird ringer Irlandiż kwalifikat, biex dan japplika ċrieket xjentifiċi għal uħud mill-għasafar tal-għana rilaxxati li ma kinux mgħammra b’tali ċrieki fil-ħin tal-qbid. Minkejja l-liċenzja uffiċjali tas-Sur Coney u struzzjonijiet ċari mill-gvern biex jipprovdilu ċrieket xjentifiċi, il-BLM irrifjutaw li jikkooperaw. Ir-rispons negattiv tagħhom huwa tattika ostruzzjonista li ddgħajjef sforz ta’ riċerka sanzjonat fuq skala nazzjonali.
Il-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat Ornis juru li l-BLM qabel li tforni ċ-ċrieket xjentifiċi kodifikati b’mod uniku meħtieġa għall-programm. Madankollu, il-bojkott u t-theddid sussegwenti tagħhom ħolqu ambjent ostili li jiskoraġġixxi kollaborazzjoni xjentifika ġenwina.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FKNK Lino Farrugia esprima d-diżappunt tiegħu fejn qal:
“Fl-40 sena li ilni fl-FKNK, ħdimt ma’ diversi Ministri u Segretarji Parlamentari kemm mill-amministrazzjonijiet tal-PN kif ukoll tal-PL. Illum, minkejja l-isfidi f’ ċerti oqsma, infaħħar lill-Ministru Clint Camilleri għad-determinazzjoni u l-fehma politika tiegħu dwar it-tradizzjonijiet tal-kaċċa u l-insib. Min-naħa l-oħra, l-aġir tal-BLM mis il-qieh. Ir-rifjut tagħhom li jikkooperaw ma’ programm xjentifiku, possibbilment bi ksur tal-obbligi legali, juri arroganza li ma bħala ta’ organizzazzjoni li tiddikjara li hija ddedikata għall-konservazzjoni.”
Is-Sur Farrugia aċċenna wkoll għall-ironija fil-pożizzjoni ta’ BLM:
“Il-gvern ta lill-BLM drittijiet estensivi, inklużi oqsma vasti ta’ ġestjoni ta’ art pubblika, derogi għall-birdringing u referenza speċifika fir-regolamenti, kemm jekk legali kif ukoll jekk le, tal-iskema EURING, u finanzjament sinifikanti mit-taxxi tal-poplu li jammonta għal mijiet ta’ eluf ta’ euro. Madankollu, minflok użaw dawn ir-riżorsi għal skopijiet kostruttivi, il-BLM tirrikorra għal fastidju u tfixkil lill-kaċċaturi u n-nassaba, u dan idgħajjef l-isforzi ta’ konservazzjoni kemm tal-kaċċaturi kif ukoll tan-nassaba.”
L-FKNK tibqa’ impenjata ħafna fil-programm ta’ riċerka dwar l-għasafar tal-għana. Talbet l-intervent tat-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) biex tiżgura l-għoti taċ-ċrieki xjentifiċi meħtieġa.
Din is-sitwazzjoni, li ma tistax tibqa’ tiġi injorata, titlob riflessjoni dwar jekk il-BLM tistax verament tirrappreżenta l-interessi tal-ambjent naturali ta’ Malta u tal-poplu tagħha meta tinjora d-direttivi tal-gvern u l-kollaborazzjoni xjentifika.