Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi flimkien ma’ 20 Kunsill Lokali iffirmaw Memorandum of Understanding biex jiġu nstallati 374 infrastruttura solari ġdida li se twassal biex l-istess lokalitajiet ikunu aktar sostenibbli.
Minbarra hekk, l-istess investiment mill-Gvern se jwassal biex, f’numru ta’ lokalitajiet, għadd ta’ toroq jew żoni magħżulin mill-kunsilli nfushom, se jkunu mdawlin b’enerġija rinnovabbli. B’hekk l-20 lokalità se jkunu qed jersqu aktar lejn it-tħaddim ta’ iżjed enerġija effiċjenti u nadifa.
Dan il-proġett, qiegħed isir b’investiment ta’ madwar €3 miljun u hu ffinanzjat minn fondi Ewropej permezz tal-Programm għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia enfasizza li “dan l-iffirmar u investiment, bħala Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi se jkompli jsaħħaħ is-sinerġija li teżisti bejn il-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment biex ilkoll flimkien, issir il-qabża li jmiss għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.”
Hu rrimarka kif dan l-investiment se jingħaqad ma’ numru ta’ proġetti oħrajn li wħud mill-kunsilli qegħdin jaħdmu fuqhom permezz tal-iffirmar tal-Framework Agreement li sar f’April li għadda. Dan jinkuludi aktar spazji miftuħa, riġenerazzjoni ta’ ġonna u bandli u infrastruttura aktar aċċessibbli, fost proġetti oħra.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, ukoll laqgħet b’sodisfazzjon din il-kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u d-Direttorat tal-Kunsilli Lokali.
Tenniet li “dan il-proġett għandu jservi wkoll ta’ eżempju għall-kunsilli u entitajiet oħrajn biex huma wkoll ikunu parteċipi f’din il-bidla ta’ mentalità li pajjiżna jeħtieġ ħalli jkun verament aktar sostenibbli.”
Waqt din l-okkażjoni, tliet Sindki minn dawn il-lokalitajiet esprimew fehmthom dwar kif l-investiment se jgħin lil-lokalitajiet tagħhom individwalment.
“Din hi opportunità oħra fejn il-Gvern u l-kunsilli jistgħu jaħdmu flimkien biex nibqgħu nagħtu aktar saħħa lill-kunsilli lokali. Ovvjament dan il-proġett ta’ investiment solari biex ikollna arbli fil-lokalitajiet tagħna li jaħdmu b’mod solari se jkompli jgħin biex il-lokalitajiet tagħna jkomplu jġeddu u, iva, il-lokalitajiet tagħna dejjem jibqgħu mexjin ’il quddiem u allura dan l-agreement li qed niffirmaw illum iħares, inħarsu tajjeb lejn ’il quddiem biex flimkien naħdmu għall-ġid aħjar tal-lokalità u tar-residenti tagħna.”
Is-Sindku tas-Siġġiewi
Is-Sindku tal-Qrendi
“Inizjattiva ferm apprezzata fejn ġewwa l-Qrendi ħa tiġi illuminata mixja fil-kampanja li sservi bejn il-Maqluba u Ħaġar Qim u bejn il-Blue Grotto għall-Maqluba stess. Grazzi ħafna għal din l-inizjattiva li qiegħda tipprovdi enerġija sostenibbli.”
Is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar
“Permezz ta’ dawn l-iskemi inkunu qegħdin naraw li ntejbu l-kwalità u l-ħajja tar-residenti tagħna. Ovvjament permezz ta’ din l-iskema se nkunu qegħdin naraw qabża, għax se ninstallaw dwal li ġejjin minn sorsi sostenibbli u, permezz tagħhom, ukoll nistgħu innaqqsu l-konsum kif ukoll ikunu qed innaqqsu l-life pollution.”
Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Stephen Bonello, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, Emile Vassallo, u l-Head of Political Reporting and Media għar-Rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, Claudine Camilleri.