Tagħrif, li ngħata fil-Parlament mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, juri kif, f’inqas minn ħames snin mill-bidu tal-2020 sa Ottubru li għadda, kienu ntefqu mat-tnejn u erbgħin miljun u erba’ mitt elf ewro mill-maġistrati nkarigati fuq l-inkjesti u proċeduri oħrajn fil-qasam kriminali f’pajjiżna.
Il-Ministru kien qed iwieġeb mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott dwar kemm ġew jiswew l-inkjesti maġisterjali konklużi fl-aħħar ħames snin, fejn poġġa żewġ tabelli fuq il-mejda tal-Kamra, waħda bin-nefqa globali sat-30 t’Ottubru 2024 u l-oħra bl-ammont tal-inkjesti li tlestew sat-30 t’Ottubru li għadda.
Mil-lista tal-ispejjeż annwali jirriżulta li, kien hemm medja ta’ €731,000 kull xahar jew tmin miljuni u tmin mitt elf ewro kull sena. Meħud kont li kien mal-erbat elef u mitejn inkjesta bejn Malta u Għawdex, allura l-ispiża medja kienet ta’ ftit aktar minn għaxart elef kull inkjesta.
B’xahrejn bogħod għal tmiem din is-sena, issa kien hemm tnaqqis sinifikanti mqabbel mal-erba’ snin ta’ qabel.
Ta’ min jinnota li f’dawn l-aħħar snin stess kienet għaddejja l-inkjesta tal-isptarijiet mill-Maġistrat Gabriella Vella, li hu magħruf li swiet mal-€11-il miljun waħedha. Jiġifieri mal-elf darba iżjed mill-medja ta’ kull inkjesta fil-perjodu, li wkoll awtomatikament żdiedet bl-ispejjeż tagħha inkorporati fit-total.
L-inkjesta, li b’riżultat tagħha nfetħu żewġ kawżi kontra diversi persuni, inklużi l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna, spiċċat f’baħar ta’ kontroversji, mhux l-inqas fil-ħlas tal-esperti li tqabbdu, li wkoll jirriżulta li ma kinux għażliet tajbin.
Waqt li wħud minnhom ġew akkużati b’konflitti ċari ta’ interess, fil-każ ta’ waħda minnhom, is-Serba Miroslava Milenovic saħansitra ntalbet investigazzjoni mill-Pulizija fuqha wara li kkonfermat li lanqas għandha kwalifiċi neċessarji biex tagħmel ix-xogħol li tqabbdet tagħmel.