Il-kantant Ed Sheeran qal li Band Aid ma kienux talbu permess sabiex jerġgħu jużaw leħnu fuq il-verżjoni l-ġdida tad-diska ‘Do They Know It’s Christmas’ li qed tiċċelebra l-40 anniversarju mill-ewwel edizzjoni.
F’kitba fuq Instagram, l-artist qal li kien jirrifjuta bil-pulit it-talba, filwaqt li kkwota kitba tar-rapper Fuse ODG li kien ikkritika l-mod tal-għajnuna umanitarja fl-Afrika.
Għaxar snin ilu, waqt il-Band Aid 30, Ed Sheeran kien kanta flimkien ma’ Coldplay, Sinead O’Connor, Sam Smith, One Direction u Rita Ora u fil-verżjoni l-ġdida li se toħroġ il-ġimgħa d-dieħla, il-vokali tiegħu ġew abbinati ma’ dawk ta’ Sting mill-verżjoni oriġinali tal-1984 ta’ din id-diska intenzjonata bi skop filantropiku.
Sheeran kiteb “My approval wasn’t sought on this new Band Aid 40 release. Had I had the choice I would have respectfully declined the use of my vocals.” Filwaqt li kompla, “A decade on and my understanding of the narrative associated with this has changed, eloquently explained by @fuseodg. This is just my personal stance, I’m hoping it’s a forward-looking one. Love to all x.”
Sheeran għamel riferenza għal kumment tar-rapper Fuse ODG li kien irrifjuta li jieħu sehem fil-Band Aid 30 flimkien miegħu għaxar snin qabel. Fuse ODG kien qal li rrifjuta milli jipparteċipa għax kien qed jirrealizza li inizjattivi bħal dawn jistgħu jagħmlu ħsara u mhux ġid lill-kontinent Afrikan. Tenna li filwaqt li jiġġeneraw simpatija u donazzjonijiet iżda joħolqu wkoll sterjotipi dannaġġanti li joħonqu t-tkabbir ekonomiku, it-turiżmu u l-investiment fl-Afrika li jiswew lill-kontinent triljuni u jeqirdu d-dinjità, l-orgolju u l-identità Afrikana.
Ir-rapper li għandu oriġini mill-Ghana u li ismu propju huwa Nana Richard Abiona iżda li kulħadd jafu bħala Fuse ODG, f’intervista fuq ir-Radju BBC 1 kien qal li d-diska ‘Do They Know It’s Christmas’ tagħti impressjoni żbaljata li l-Afrika hija mifnija mill-ġuħ u l-faqar. Huwa qal li meta kien tifel u ra l-vidjo tad-diska, l-immaġini tant kienu negattivi li ma riedx jassoċja ruħu mal-identità tal-oriġini tiegħu Afrikana għax ma kien fiha xejn pożittiv. Filfatt, għaxar snin ilu, huwa kien kellem lil Bob Geldof dwar dan it-tħassib tiegħu fejn ġibidlu l-attenzjoni u qallu li jista’ jagħmel il-ġid mingħajr ma jeqred l-orgolju u l-ekonomija tal-pajjiż. L-idea ta’ Fuse ODG hija li d-diska tkun waħda ta’ solidarjeta aktar milli karità.
Huwa mifhum li l-BBC talab lil Band Aid risposta għall-kummenti ta’ Ed Sheeran u Fuse ODG.
L-aħħar verżjoni ta’ ‘Do They It’s Christmas” kienet imħabbra l-ġimgħa l-oħra u se tkun tinkludi verżjonijiet differenti tad-diska għall-karità li kienu rrekordjati matul is-snin bil-parteċipazzjoni ta’ stilel internazzjonali bħal Boy George, Harry Styles, George Michael, Sam Smith, Sugababes, Bono, Bananarama, Robbie Williams, Thom Yorke, Rita ora, Dizzee Rascal u Paul McCartney.
Din l-aħħar verżjoni se tinstema’ għall-ewwel darba fuq l-istazzjonijiet tar-radju Brittaniċi nhar it-Tnejn 25 ta’ Novembru li huwa propju 40 sena minn mindu ġiet irrekordjata l-verżjoni oriġinali.