Mediċini tal-kanċer bid-dritt u mhux b’karità. Dan hu l-għan tal-mekkaniżmu l-ġdid li se jidħol fis-seħħ wara diskussjonijiet bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-Uffiċċju tal-President tar-Repubblika biex il-Gvern jerfa’ l-ispiża kollha tat-trattamenti tal-kanċer u b’hekk il-Community Chest Fund tibda tiffoka fuq sitwazzjonijiet diffiċli oħrajn.
Waqt il-programm ‘Bil-Fatti’, il-President ta’ Puttinu Cares, Angele Cuschieri, fissret dan il-pass bħala wieħed li se jagħti dinjità u serħan lill-pazjenti.
“Jiena naħseb dan il-pass se jkun ifisser dinjità u serħan il-moħħ. Serħan il-moħħ, għax meta tkun diagnosed b’cancer digà hu xokk minnu nnifsu. Aħseb u ara li tingħata riċetta u trid tmur għand il-Community Chest Fund biha biex jiġi approvat it-trattament. U l-Community Chest Fund għandhom ukoll uġigħ ta’ ras minn fejn se jġibu l-flus għal dawn il-medicini. Jiġifieri inti dak il-pass se jkun jagħti dinjità iżjed lill-pazjenti, għax awtomatikament se jkunu qed jieħdu l-mediċini li jistħoqqillhom.”
Il-President ta’ Puttinu Cares, Angele Cuschieri
L-investiment qawwi f’din il-ħidma se jelimina l-anzjetà li jgħaddi minnu l-pazjent sakemm tiġi approvata l-applikazzjoni għall-għajnuna mill-Malta Community Chest Fund.
Għalhekk se jkun mekkaniżmu li jtejjeb il-ħajja ta’ kull min ikun qed jiffaċċja l-isfidi li ġġib magħha l-marda.
“Il-Community Chest Fund dejjem kienet qiegħda hemmhekk biex tgħin lill-pazjenti u kif qalet tajjeb Sina l-perjodu kien qasir. Però xorta l-pazjent jibqa’ l-fatt li xorta jkun daqsxejn anzjuż sakemm tiġi approved l-application. U dak il-proċess issa se jinqabeż. Naħseb li l-għan tiegħu hu tajjeb ħafna. Fl-opinjoni tiegħi, jien, meta rajt l-aħbar, ħadt pjaċir ħafna biha, għax nemmen li l-pazjenti hemm barra ħaqqhom il-kura bi dritt u nistgħu ngħidu li, b’dan il-pass, se nkunu qed ntejbu l-ħajja ta’ dawn il-pazjenti morda bil-kanċer.”
Il-President ta’ Puttinu Cares, Angele Cuschieri
Sakemm l-istruttura l-ġdida tidħol fis-seħħ, il-Community Chest Fund se jkompli jaqdi l-funzjoni tiegħu, b’kull assistenza meħtieġa mill-Gvern.
Għalhekk, f’dan iż-żmien tranżitorju, il-pazjenti se jibqgħu jirrikorru għand il-Community Chest Fund u jingħataw il-kura onkoloġika li jkollhom bżonn.