Għat-tieni darba konsekuttiva, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, flimkien mal-Ministru Awstrijaka, Leonore Gewessler, ġiet magħżula biex tmexxi n-negozjati tal-Unjoni Ewropea fuq id-dokument tal-adattament klimatiku waqt il-laqgħa tal-COP29.
Fi stqarrija ntqal li dan ir-rwol importanti għal darb’oħra jenfasizza l-impenn li dejjem qiegħed jikber ta’ Malta biex tkun fuq quddiem nett fost il-mexxejja globali fil-qasam tal-klima.
Waqt laqgħa f’Baku, il-Ministru Miriam Dalli enfasizzat li l-adattament, wieħed mill-pilastri ewlenin tal-Ftehim ta’ Pariġi, għandu jiffoka fuq kif il-pajjiżi jistgħu jibnu reżiljenza biex jiffaċċjaw l-impatti dejjem jiżdiedu tat-tibdil fil-klima.
In-negozjati dwar l-adattament klimatiku se jindirizzaw kif tista’ tissaħħaħ il-kapaċità globali biex jiġu mmitigati r-riskji klimatiċi, jiġu protetti l-komunitajiet vulnerabbli, u jiġi żgurat progress tanġibbli lejn il-miri tar-reżiljenza.
“Dan huwa mument kruċjali għall-kooperazzjoni internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima. Permezz ta’ dawn in-negozjati, qed niżguraw li l-adattament jibqa’ prijorità globali, b’soluzzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi reali tal-ħajja. Malta hija lesta li taħdem ma’ kull parti involuta biex inwasslu riżultati prattiċi u bbilanċjati.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Malta se tiffoka fuq li jintlaħaq kunsens dwar miżuri prattiċi li jagħtu prijorità lil pajjiżi l-aktar vulnerabbli, filwaqt li jsaħħu l-miri globali għar-reżiljenza.
Id-delegazzjoni Maltija tinkludi lis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Joseph Caruana kif ukoll l-Ambaxxatriċi għat-Tibdil fil-Klima, il-Professur Simone Borg.