Il-ġgant tal-mużika hip hop Sean ‘Diddy” Combs qed jiġi akkużat li minn ġewwa l-ħabs qed jipprova jagħmel kuntatt ma’ xhieda prospettivi u anke jinfluwenza l-opinjoni pubblika fi sforz biex jaffettwa ġurati potenzjali waqt il-proċess tiegħu li se jibda jinstema’ dalwaqt fejn jinsab akkużat bi traffikar tan-nies għal skopijiet ta’ sess.
Il-prosekuzzjoni qed takkużah li kiser ir-regoli, ħallas ħabsin bħalu biex juża t-telefowns tagħhom u li orkestra kampanja sabiex jinfluwenza ġurija potenzjali fil-proċess tiegħu. Filfatt huma ressqu talba fil-qorti federali ta’ Manhattan sabiex l-imħallef jinnega l-aħħar rikjesta ta’ Sean ‘Diddy’ Combs biex jingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ $50 miljun hekk kif din il-ġimgħa hemm skedat is-smigħ tal-pleġġ.
Reviżjoni tas-sejħiet irrekordjati mill-ħabs ta’ telefonati magħmula minn Combs, jixhdu li hu talab lill-membri tal-familja tiegħu biex jikkuntattjaw vittmi u xhieda potenzjali u ħeġġiġhom biex joħolqu sitwazzjonijiet biex jinfluwenzaw nies li potenzjalment jistgħu jservu ta’ ġurati kif ukoll sabiex joħolqu strateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni sabiex idawru l-opinjoni pubblika fuq il-każ favur tiegħu.
Il-prosekuzzjoni tenniet li b’din l-attitudni, qed jinftiehem li Combs irid jirrikatta lill-vittmi u x-xhieda sabiex ma’ jitkellmux jew li jipprovdu testimonjanza favur tiegħu. Huma qalu li Combs beda jikser ir-regoli immedjatament wara l-arrest tiegħu f’Settembru.
Huwa qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi li għal snin twal sforza u abbuża nisa bl-għajnuna ta’ netwerk komposta minn soċji u impjegati filwaqt li għalaq ħalq il-vittmi permezz ta’ rikatti u vjolenza li kienu jinkludu ħtif, ħruq u swat fiżiku.
Żewġ imħallfin diġa kkonkludew li Sean ‘Diddy’ Combs huwa ta’ periklu għall-komunità u f’riskju kbir li jaħrab.