Beatrice Njoya, li din is-sena rrappreżentat lil Malta fis-serata finali ta’ Miss Universe fil-Belt tal-Messiku, ingħatat prominenza għal diversi raġunijiet. Il-kompetizzjoni tas-sbuħija internazzjonali din is-sena ntrebħet mir-rappreżentanta tad-Danimarka.
Waqt li ġie rrimarkat li s-sbuħija ta’ Njoya spikkat, anke jekk kienet l-ikbar fl-età fost il-126 parteċipanta minn madwar id-dinja u għandha tlett itfal, iżda wkoll għax kellha l-aktar storja u messaġġ uman li setgħet twassal kontra l-abbużi u l-isterjotipi.
Fil-fatt, stqarrija minn Miss Universe Malta, qalet li din kienet l-ewwel darba li silta sħiħa dwar il-parteċipanta Maltija ntweriet waqt it-trasmissjoni live tal-ispettaklu.
Sadanittant, rapporti internazzjonali wkoll ikklassifikaw il-kostum tradizzjonali li libset Njoya fis-serata finali bħala t-tieni l-isbaħ mill-pajjiżi kollha. Il-kostum, li jirrappreżenta r-rabta li pajjiżna għandu mal-baħar, tħiet minn Tanya Grech.