Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, ħames kumpaniji Maltin pparteċipaw fil-‘Libya Build’, li saret f’Benghazi.
Fi stqarrija, TradeMalta qalet li l-kumpaniji Maltin li pparteċipaw f’din l-edizzjoni, ħadu l-opportunità biex ifformaw konnessjonijiet ġodda u jesploraw sħubijiet potenzjali.
Huma wrew l-kompetenza tagħhom b’firxa diversa ta’ offerti, li jkopru l-manifattura ta’ materjali ta’ kwalità għolja, il-manifattura u armar ta’ sistemi elettriċi, sistemi ta’ drenaġġ, il-manifattura ta’ cables elettriċi ta’ vultaġġ baxx, il-manifattura ta’ komponenti tal-plastik u disinji ta’ bibien.
Din il-wirja fil-Libja stabbiliet ruħha bħala l-avveniment ewlieni għas-setturi tal-bini, disinn u kostruzzjoni. B’wirja ospitat aktar minn 200 kumpanija u serviet bħala l-iktar destinazzjoni importanti għall-professjonisti tal-industrija, esperti, xerrejja, distributuri u dawk li jieħdu deċiżjonijiet ewlenin mis-setturi pubbliċi u privati.
Dwar dan l-avveniment ikkummenta l-Kap Eżekuttiv ta’ TradeMalta, Anton Buttigieg.
“Libya Build Benghazi 2024 kienet pjattaforma importanti għall-kumpaniji Maltin biex juru l-innovazzjoni u l-esperjenza tagħhom. Il-parteċipazzjoni tagħna tenfasizza s-saħħa u l-versatilità tan-negozji Maltin fix-xena internazzjonali. Aħna impenjati li nrawmu dawn l-opportunitajiet u nimbuttaw it-tkabbir ekonomiku permezz ta’ impenji internazzjonali strateġiċi.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ TradeMalta, Anton Buttigieg