Il-gazzetta Kullħadd irrapportat kif l-għażla ta’ Pawlu Borg Olivier, biex jiġġieled il-kawża ġudizzjarja tal-Partit Nazzjonalista dwar is-spots tal-Baġit u jinżammu milli jixxandru fuq TVM, ġiet imposta fuq il-Kap Nazzjonalista minn Karol Aquilina.
Minkejja dan, l-għażla tad-Deputat tal-Blue Heroes u l-fergħa estremista Nazzjonalista rriżultat fi fjask ieħor, ladarba l-Qorti remiet ’il barra l-argumentazzjoni bla sustanza li tressqet minn Borg Olivier u l-PN.
Taħt it-titlu ‘Jużaw lin-nies kif jaqblilhom’, il-gazzetta tal-Partit Laburista qalet li sorsi interni tad-Dar Ċentrali, li tkellmu magħha, komplew jixħtu dawl dwar kif jaħdem il-PN.
Saħqet kif, fil-PN stess, Borg Olivier hu meqjus bħala falliment politiku kbir u fost l-agħar Segretarji Ġenerali li qatt kellu l-Partit, bi ftit wisq jew xejn ammirazzjoni lejh, mhux l-inqas għax, wara li telaq mill-kariga, beda perjodu twil fejn il-ħaddiema tad-Dar Ċentrali baqgħu bla paga.
L-istess sorsi komplew illi l-għażla ta’ Borg Olivier fil-kawża biex il-PBS jieqaf ixandar reklamar tal-Gvern dwar il-Baġit għas-sena d-dieħla sar bi ħsieb, anke jekk legalment kienu jafu li ma kellhomx argument. Iżda anke jekk konxju li Borg Olivier probabbli ma kienx se jġibha żewġ, ma kellhom xejn x’jitilfu, ladarba ħadd ma jimpurtah wisq mill-avukat Belti.
“Karol hekk jaħdem. Ma jiddejjaq xejn jarmi lin-nies l-aqwa li tgħaddi tiegħu, u Bernard iċedilu f’kollox, għax jibża’ minnu u mill-fazzjoni estremista fil-PN li tagħha Karol huwa wieħed mill-perċimes,” qalu s-sorsi tal-KullĦadd.
Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef Miriam Hayman mhux biss spjegat li hu “diffiċli tofroq Baġit u kull reklam tiegħu, anke jekk huwa edukattiv, mil-lat politiku marbut miegħu”, iżda wkoll sabet kif il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ukoll mexa bl-istess mod u xandar spots politiċi marbutin mal-Baġit.
B’din l-istess kawża, il-Partit Nazzjonalista wkoll talab li jintbagħtu l-ħabs il-ħaddiema tal-PBS b’rabta ma’ disprezz lejn il-Qorti.