Sorsi midħla mal-amministrazzjoni tal-President Amerikan Joe Biden, ilbieraħ qalu li nħareġ permess sabiex l-Ukrajna tuża armi mill-Istati Uniti biex tattakka fil-fond tar-Russja li jfisser bidla sinifikanti fid-direzzjoni li l-Amerika kienet ħadet fil-konfront tal-kunflitt bejn l-Ukrajna u r-Russja.
Filfatt jidher li l-Ukrajna qed tippjana li twettaq l-ewwel tali attakki tagħha fil-jiem li ġejjin mingħajr ma ġew żvelati dettalji minħabba tħassib dwar is-sigurtà nazzjonali.
Din il-mossa seħħet xahrejn qabel mal-President Elett Donald Trump jieħu l-kariga fl-20 ta’ Jannar u ssegwi xhur ta’ talbiet mill-President Ukren Volodymyr Zelenskiy biex jingħata permess lill-militar tal-Ukrajna li juża l-armi tal-Istati Uniti biex ikun jista’ jattakka siti militari Russi li jinsabu ’l bogħod mill-fruntieri.
Din il-bidla ġejja wkoll fil-parti l-kbira tagħha bħala tweġiba għall-iskjerament fir-Russja tat-truppi mill-Korea ta’ Fuq sabiex jissupplimentaw il-forzi Russi, żvilupp li kkawża allarm fl-Istati Uniti u l-Ukrajna.
F’diskors ilbieraħ filgħaxija, Zelenskiy qal li l-missili kienu se jitkellmu waħdihom u li l-attakki ma jsirux bil-kliem għax tali manuvri ma kienux jiġu annunzjati.
Sadanittant ma kien hemm l-ebda risposta immedjata mill-Kremlin, li heddew li mossa bħal din se tkun tfisser eskalazzjoni maġġuri f’din il-gwerra.