Huwa ċar li Bernard Grech m’għandux pjan għall-futur tal-pajjiż. Iddikjara dan missier is-sieħba ta’ Adrian Delia, Emmanuel J. Galea, f’artiklu ta’ opinjoni fuq il-Malta Independent on Sunday.
Fit-titlu, Galea sostna li t-tmexxija ta’ Grech hija sfida għal kredibilità tal-partit.
In-nuqqas ta’ viżjoni ta’ tmexxija, kif ukoll ta’ mmaniġjar effettiv tal-partit iqajjem domandi fuq kemm Grech huwa tajjeb biex jibqa’ Kap.
Fl-opinjoni tiegħu, l-opinjonista Għawdxi meqjus li hu qrib ħafna tad-deputat Alex Borg, jikkritika bil-kbir proposta fid-diskors ta’ Grech li jkun hemm port ieħor f’Għawdex. Dan wara li fir-risposta għall-Baġit ta’ Grech naqqset il-kredibilità tal-Partit biex ikun alternativa għall-Gvern.
Huwa kkritika bil-kbir l-analiżi ħażina li kien fih id-diskors ta’ Grech fejn semma bħal eżempju li dan interpreta ħażin statistiċi uffiċjali, waqt li kien mimli bi ħsibijiet antikwati u bombastiċi.
Jidher ċar hawn attakk fuq l-istrateġista l-ġdid li qabbad Bernard Grech, George Vital Zammit, li milli jidher qed idejjaq lill-bosta fl-Istamperija bl-arroganza li qed juri.
Missier is-sieħba ta’ Adrian Delia tkellem fuq l-immaniġjar ħażin tal-finanzi tal-Partit Nazzjonalista. Tant li attakka l-fatt li taħt Grech ma ġew sottomessi l-kontijiet finanzjarji lill-Kummissjoni Elettorali. Fakkar kif taħt Delia, dan kien isir b’mod regolari.
F’attakk ċar fuq il-blue heroes, Galea jgħid li hemm double standard fuq kif ġie ttrattat Dr Delia meta kien affaċjat minn trust ratings baxxi, u kif qed jiġi ttrattat Grech, li qed jikseb ratings anke aktar baxxi.
Galea jgħid li biex il-Partit Nazzjonalista jkun kredibbli l-ewwel irid jirranġa daru stess.
Fl-aħħarnett Galea jgħid li l-Partit Nazzjonalista ma jistax jibqa sejjer kif inhu għax se jispiċċa rrilevanti. B’hekk sejjaħ għal Kap ġdid li jispira kunfidenza, li għandu viżjoni u li jista’ jmexxi l-affarijiet interni tal-Partit.
Sorsi fid-Dar Ċentrali sostnew li dan l-artiklu huwa tkomplija ta’ manuvri min-naħa tal-fazzjoni ta’ Delia biex iż-żiemel tagħha, Alex Borg, jikkontesta lil Bernard Grech. Dan wara d-domandi kbar li saru fi ħdan il-Partit min kien li lleakja l-Pre-Budget document.