Fil-jiem li ġejjin, se jibda jingħata s-servizz tal-MRI miċ-Ċentru tas-Saħħa Ċensu Moran f’Raħal Ġdid. Dan bil-għan li l-Gvern ikompli jnaqqas il-ħin ta’ stennija, għal dawk li jridu jagħmlu dan l-iscan.
ONE News żar il-post minfejn se jibda jingħata dan is-servizz mill-Paola Hub. Fuq il-post tkellimna mal-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela.
“L-impenn tal-Gvern huwa li nkomplu nnaqsu l-ħinijiet ta’ stennija għal dawn it-tip ta’ scans u scans oħrajn. Bħalissa ħa nkunu qed nagħmlu dawn it-tip ta’ scans minn hawn ukoll. Ovvjament diġà nagħmluhom minn Mater Dei, nagħmluhom mill-Isptar ta’ Għawdex, il-Gvern iħallas sptarijiet privati biex jagħmlilna iktar. Bħalissa, il-unit ħa jkun qiegħed hawnhekk. Ma neskludux li ’l quddiem, il-post għall-MRI scanner ħa jerġa’ jinbidel, skont il-komunità x’se jkollha bżonn.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Il-Ministru Jo Etienne Abela sostna li dan is-servizz se jingħaqad mas-servizz li qed jingħata mill-Isptar Mater Dei u mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
“Għad-daqs tal-pajjiż tagħna, dan huwa ħafna. Fil-fatt, ilbieraħ konna qed nitkellmu ma’ esperti barranin, li staġgħbu li għandna daqshekk MRIs. Magħhom irrid inżid l-MRIs tal-privat, li qed juża wkoll. Jiġifieri żġur mhux forsi li hemm impenn serju mill-Gvern biex il-listi kemm jista’ jkun ma jkunx.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela