Il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela, fil-preżenza tal-Arċisqof Charles J. Scicluna, inawgura xogħol ta’ restawr b’investiment ta’ €6 miljun li sar fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata, li kien jinkludi fost oħrajn, xogħol ta’ restawr tal-kappelli u diversi monumenti.
Permezz ta’ dan ir-restawr, ġiet ippreservata parti importanti mill-istorja ta’ pajjiżna għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.
Il-Ministru Abela spjega kif dan il-proġett kien jinvolvi firxa wiesgħa ta’ xogħlijiet madwar dan iċ-ċimiterju storiku; minn preservazzjoni tal-kappella tal-Madonna tad-Duluri, għar-restawr tal-Kappella Gatt, l-Exedra, il-funtana, il-Gibjetta, il-Monument tas-Sebgħa ta’ Ġunju u diversi monumenti oħra.
L-Arċisqof Charles J. Scicluna rringrazzja lill-gvern u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi għall-investiment u l-ħidma tagħhom u jittama li kull min iżur dan l-maqdes iħoss il-faraġ tal-fidi tagħna l-Maltin fil-qawmien mill-imwiet.