Fi ftit aktar minn tliet ġimgħat minn meta bdiet il-kampanja ta’ tilqim staġjonali, l-infermiera fiċ-ċentri tas-saħħa madwar il-pajjiż diġà taw 51,883 vaċċin lil eluf ta’ persuni.
Fil-fatt ċifri li kiseb ONE NEWS, juru li sas-Sibt filgħodu aktar minn 31,757 persuna ħadu l-vaċċin kontra l-influwenza, aktar minn 8,150 ħadu t-tilqima tal-COVID-19 u 11,976 persuna ta’ l’ fuq minn 65 sena ħadu t-tilqima b’xejn tal-Pnewmokokkus mingħajr ħlas. Dan il-vaċċin jipproteġi kontra infezzjonijiet ikkawżati minn batterju responsabbli għal infezzjonijiet serji bħal dawk fis-sider u sepsis.
Żorna ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi, fejn hemmhekk rajna l-proċess sabiex wieħed jitlaqqam għal-liema vaċċin irid, filwaqt li tkellemna maċ-charge nurse tal-Kura Primarja fil-Komunità Ronald Barbara.
Qal, “Importanti li n-nies jiġu bi ħġarhom sal-15 ta’ Diċembru u kif wieħed jista’ jara l-andament huwa mexxej, ma tantx hawn kjus u kulħadd jista’ jinqeda bla telf ta’ ħin. Wara l-15 ta’ Diċembru xorta nibqgħu nagħtu s-servizz pero l-andament ikun normali mas-servizzi l-oħrajn.”
Il-kampanja ta’ tilqim għandha għaddejja sal-15 ta’ Diċembru, fejn wieħed jista’ jmur fiċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Mosta, il-Furjana, Raħal Ġdid, u dak ta’ Għawdex: li huma disponibbli matul il-ġimgħa kollha, inklużi tmiem il-ġimgħa u festi pubbliċi, mis-13:00 sas-19:00, mingħajr appuntament.
Iċ-ċentri tas-saħħa ta’ Bormla, Birkirkara, il-Gżira, Ħal Kirkop, ir-Rabat, u ta’ Ħal Qormi huma disponibbli mit-Tnejn sal-Ġimgħa, esklużi l-festi pubbliċi, mis-13:00 sas-19:00.
L-infermier Barbara spjega wkoll wieħed xi jrid jagħmel meta jmur jitlaqqam.
Qal, “Importanti dawk kollha li jiġu, iġibu l-id card magħhom u speċjalment mat-tfal iridu jġibu l-baby book sabiex inżommu r-rekords.”
Persuni li huma residenti fi djar għall-anzjani, f’San Vinċenz de Paule, u f’Karin Grech, se jiġu offruti tilqim fir-residenza.
Ta’ min ifakkar fl-appell li għamlu l-awtoritajiet tas-saħħa fejn spjegaw li jekk ikollna rata għolja ta’ dawk imlaqqmin, id-dħul ta’ persuni fl-istpar awtomatikament se jonqos, fosthom fi swali tal-mediċina u fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, f’każijiet li jistgħu wkoll iwasslu għall-mewt.