L-art tal-eks grawnd tal-futbol ta’ Pace Grasso, biswit iċ-Ċentru l-ġdid tas-Saħħa f’Raħal Ġdid, se tintuża għal proġett ta’ park & ride u parkeġġ għar-residenti tal-lokalità.
Dan ħabbru l-Ministru responsabbli mit-trasport, Chris Bonett, f’messaġġ fuq il-midja soċjali, bħala parti mill-pjani tal-Gvern, li tħabbru fil-bidu tax-xahar, favur soluzzjonijiet biex jittaffew problemi tat-traffiku u nuqqas ta’ parkeġġi fil-lokalitajiet.
Fil-fatt għadd ta’ proposti mħabbrin, ibbażati fuq sitt pilastri ewlenin, għandhom l-għan li jindirizzaw ukoll il-problemi tat-traffiku fil-qalba tal-lokalitajiet u fit-toroq prinċipali fil-ħinijiet l-aktar beżlin ta’ filgħodu u waranofsinhar.