Tressaq ilment ieħor quddiem il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, dwar deputati Nazzjonalisti li allegatament jiskartaw mix-xogħol.
Dan l-ilment, issa kontra Ivan Castillo, tressaq wkoll minn Neville Gafà, wara l-oħrajn fil-konfront tad-Deputati Nazzjonalisti Justin Schembri u Toni Bezzina.
Fl-ilment il-ġdid jingħad li, minkejja li hu impjegat mill-Enemalta bħala Principal Technical Officer, Castillo allegatament jitlaq kmieni mix-xogħol u jieħu l-paga sħiħa, juża ħinu biex iwettaq ħidma politika, jagħmel użu minn vettura tal-Enemalta, meta mhux suppost, kif ukoll li jġib skużi diversi lis-superjuri tiegħu biex ma jmurx jew jitlaq mix-xogħol qabel ma jkun għamel il-ħin kollu dovut minnu bħala impjegat tal-Korporazzjoni Enemalta.