Din hija Kyra Gauci, studenta tal-Kulleġġ San Nikola Ħad-Dinġli li wriet xewqa waħda.
Qalet, “Nuru l-importanza tal-ħdura fl-iskejjel tagħna. Li l-ħdura tista’ tgħin kemm fis-saħħa mentali kif ukoll mod fiżikament. Aħna l-iskola tagħna ma tantx għadna ħdura. L-unika ħdura li għadna huwa hawn barra, li ma nistgħux naċċessaw. U l-ħdura li hemm ġewwa li għamilna aħna bħala planters.”
Hija waslet dan il-messaġġ flimkien ma’ sħaba permezz ta’ filmat li warajh kien hemm għan wieħed.
Qalet, “Il-pjanijiet tal-futur għal skejjel ġodda nixtiequ naraw li jkun hemm ħsieb għal ħdura.”
Għal dan il-għan, ġiet imnedija inizjattiva miftuħa għall-iskejjel kollha madwar il-pajjiż, fejn se jkun hemm fondi allokalti b’mod speċifiku, sabiex jiġu investiti spazji li jitgawdew mill-istudenti.
B’hekk studenti, għalliema u skejjel huma mħeġġa joħolqu proġetti innovattivi ta’ tagħlim ġewwa jew barra l-klassi, li jsaħħu l-involviment tal-istudenti fis-suġġetti li jiġu mgħallma,
L-iskejjel huma mitluba jissottomettu proġetti li permezz tagħhom spazju fuq ġewwa jew barra tal-iskola jiġi utilizzat propju għal tagħlim fis-suġġetti msemmija.
Minn hemm imbagħad, il-proġetti jiġu ġġudikati, b’kull proġett magħżul jingħata finanzjament sa sitt elef ewro biex ikun jista’ jitwettaq.
B’hekk huwa maħsub li b’din l-inizjattiva se jsiru madwar 80 proġett imxerrda mal-iskejjel primarji u sekondarji madwar il-pajjiż.