Il-Partit Popolari Ewropew, l-EPP, li fih jgħammar, fost l-oħrajn, il-Partit Nazzjonalista Malti, jinsab f’nofs skandlu ieħor ta’ frodi u korruzzjoni.
Żvela dan is-sit awtorevoli Politico ftit tal-jiem ilu hekk kif spjega li l-prosekuturi ewlenin tal-Unjoni Ewropea qed jinvestigaw tliet persuni, tnejn minnhom b’kariga għolja fl-EPP, dwar użu ħażin ta’ fondi Ewropej b’rabta mal-kampanja ta’ Manfred Weber għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ħames snin ilu.
Weber hu l-Kap tal-EPP u qed jiġi allegat li l-istess grupp, illegalment, għadda flus lil tliet persuni biex jgħinu fil-prospetti tiegħu li jiġi elett.
F’nofs dan l-iskandlu li jinkludi wkoll dokumenti pubbliċi ffalsifikati, korruzzjoni u frodi, għokrot l-għajn mhux ftit ir-riżenja ta’ Simon Busuttil minn Segretarju Ġenerali tal-EPP u l-id il-leminija ta’ Weber.
Fil-fatt, sorsi ta’ ONE News spjegaw li r-riżenja ta’ Busuttil ġiet f’mument partikolari ħafna u li kompliet iżżid id-dubji u s-suspetti dwar l-aġir tal-EPP b’rabta ma’ dan il-każ.
Uħud midħla sew ta’ Brussell, sostnew kif, bir-riżenja tiegħu, Simon Busuttil, bla ma ried, indika li kien jaf x’inhu għaddej u li rriżenja qabel kien ikun tard wisq u jkun involut aktar f’dan il-każ.
Sadanittant, kompla jitfa’ dawl fuq dawn l-għajdut l-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa hekk kif, fil-ħarġa tat-Tlieta tat-Times, għamel eloġju fil-konfront ta’ Busuttil.
Dan minkejja li taħtu nħema dan l-allegat skandlu ta’ korruzzjoni u frodi fil-qalba ta’ Brussell.
“Kompli għamilna kburin Simon,” kiteb Casa fil-gazzetta bl-Ingliż, hekk kif osservaturi politiċi Ewropej sostnew li dan l-artiklu kien intiż biss biex jitfa’ gverta fuq x’kien għaddej fi żmien Busuttil fi ħdan l-EPP u li jipproteġilu r-reputazzjoni politika.
Dan mhux l-ewwel skandlu, li seħħ taħt ir-responsabbiltà ta’ persuni prominenti mill-Partit Nazzjonalista fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej.
Ewlieni fosthom hemm l-iskandlu tal-Qatargate, li jikkonċerna indħil fil-politika Ewropea mill-Qatar u li allegatament seħħ taħt imnieħer il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola. Hawnhekk kienu saħansitra ġew żvelati messaġġi bejn Metsola u l-Viċi President Eva Kaili, li kienet ġiet arrestata fuq allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, tixħim u ħasil ta’ flus mill-Qatar.
Fil-messaġġi jingħad li Kaili kellha kunfidenza sew ma’ Metsola tant li stednitha bil-familja biex ikollha biljetti għal-logħob tat-Tazza tad-Dinja, li saret fil-Qatar bħal dan iż-żmien sentejn ilu.
L-iskandli ma’ Metsola ma jiqfux hawn hekk kif saħansitra ġiet akkużata b’nepotiżmu wara li ngaġġat lir-raġel t’oħtha bħala l-Kap tal-Kabinett tagħha b’salarju li jista’ jlaħħaq sa €20,000 fix-xahar.