Il-Youtuber, li llum il-ġurnata qeleb boxer professjonali, Jake Paul għeleb lill-ġellied mitiku ta’ kull żmien, Mike Tyson, b’deċiżjoni unanima, hekk kif il-ġlieda marret id-distanza kollha, sat-tmien rawnd.
It-tliet ġurija għal din il-ġlieda qasmu l-punti tagħhom 80-72, 79-73, u 79-73, għall-ġellieda Amerikan Jake Paul.
Il-ġlieda seħħet fl-AT&T Stadium f’Arlington, fl-istat ta’ Texas, fis-sigħat bikrin tas-Sibt filgħodu għal pajjiżna, fejn il-ġlieda bejn Jake Paul ta’ 27 sena, u Mike Tyson ta’ 58 sena kienet fuq fomm kulħadd u kisbet l-attenzjoni tas-segwaċi ta’ kull età, b’mod partikolari l-partitarji tal-leġġenda tal-boxing, Mike Tyson.
Oriġinarjament, il-ġlieda kellha sseħħ fl-20 ta’ Lulju ta’ din is-sena, iżda l-ġlieda kellha tiġi posposta minħabba raġunijiet ta’ saħħa min-naħa ta’ Tyson.
B’hekk issa, din ir-rebħa kienet il-ħdax-il rebħa fil-karriera ta’ Jake Paul bħala Boxer – karriera li bdiet lura fl-2020.
Min-naħa l-oħra, Mike Tyson irreġistra s-seba’ telfa fil-karriera illistruża tiegħu, bl-akbar kisba matul il-karriera tiegħu tibqa’ meta sar Champion tad-Dinja fil-kategorija Heavyweight fl-età ta’ 20 sena, lura fl-1986 – rekord li għadu jgħodd f’isem Tyson sal-lum.