Għat-tieni xahar konsekuttiv, il-kowc ta’ Birkirkara Stefano De Angelis rebaħ il-VBET Coach of the Month Award għal Ottubru, dan wara r-rebħiet impressjonanti tat-tim tiegħu x-xahar li għadda fuq Sliema Wanderers, Hamrun Spartans, u Gzira United rispettivament.
Din il-preżentazzjoni kienet okkażjoni speċjali u unika, hekk kif il-Malta Premier ħataf l-opportunità li ngħatat mill-konvenzjoni Sigma biex jiltaqa’ mar-rappreżentanti internazzjonali tal-VBET, wieħed mill-imsieħba tat-360Sports Malta Premier.
Filfatt il-kowċ Stefano De Angelis kien mistieden għall-konvenzjoni, fejn irċieva l-premju tiegħu mingħand David Ozararat, Direttur Reġjonali ta’ VBET Franza, u Achille Loukos Wisniewski, Maniġer ta’ VBET Franza.
Total ta’ 33 vot ġew sottomessi għall-VBET October Coach of the Month Award, b’De Angelis jirċievi aktar min-nofs, 18-il vot. Huwa kien segwit minn Paul Zammit ta’ Sliema Wanderers u l-kowc ta’ Mosta FC Joseph Grech.