Il-Bord tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, ikkonferma b’mod unanimu d-deċiżjoni dwar l-istatus ta’ protezzjoni taż-żona kollha ta’ Ħondoq ir-Rummien, inkluż il-Ħnejja, fil-limiti tal-Qala.
Aktar kmieni din is-sena, l-ordni ta’ protezzjoni taż-żona kienet tat ċans lil sidien li jħossu li ġew aggravati bid-deċiżjoni biex jissottomettu l-oġġezzjonijiet tagħhom. Minkejja dan, wara li kkunsidrat l-oġġezzjonijiet kollha, l-awtorità qalet li ma sabet l-ebda mertu għalxiex għandha tneħħi tali protezzjoni.
Id-deċiżjoni ngħatat waqt laqgħa pubblika tal-bord il-Ġimgħa filgħodu u kienet possibbli wara bidliet, li saru mill-Gvern is-sena l-oħra fl-Att dwar il-Ħarsien tal-Ambjent u, b’hekk, ġabu aktar trasparenza fil-laqgħat tagħha.
Dan wassal biex ġiet eliminata t-theddida pendenti għal għexieren ta’ snin, b’riżultat tad-deċiżjoni ta’ Gvern Nazzjonalista li jdaħħal il-post fiż-żona ta’ żvilupp.