Il-Ġimgħa filgħodu, waqt li kompliet it-tieni kawża dwar l-isptarijiet fejn qed għaddejjin proċeduri kontra numru ta’ persuni, inkluż Chris Fearne u Edward Scicluna, is-seduta kellha tiġi posposta għall-ġimgħa d-dieħla wara li x-xhud ewlieni, l-esperta Serba Miroslava Milenovic, ma tfaċċatx.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-barranija ma kinitx se tixhed dakinhar wara l-iżviluppi li seħħew dwarha.
Milenovic, li tqabbdet fost l-esperti fl-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella, li swiet mal-ħdax-il miljun ewro, nhar l-Erbgħa kkonfermat fil-kawża l-oħra li la għandha degree fl-accounts u lanqas warrant bħala accountant, anke jekk wettqet xogħol bħala forensic accountant.
Sussegwentement, l-għada, ġiet ippreżentata kwerela minn numru ta’ avukati li talbu lill-Kummissarju biex jieħu passi kontriha minħabba ksur tal-liġijiet ta’ Malta b’rabta mal-Kodiċi Kriminali.
B’ton ta’ rabja, l-avukati tad-difiża fil-kawża l-Ġimgħa, qalu li l-Qorti kellha tingħata raġuni għalxiex il-barranija kienet skedata li tixhed u ma tfaċċatx jew, almenu, tmur u tgħid li mhux se tixhed minħabba l-biża’ li setgħet tinkrimina lilha nnifisha, wara l-informazzjoni li ġiet żvelata.